Diaz tikxef l-unika regola għall-imħabba
L-attriċi titkellem dwar l-iżbalji fir-relazzjonijiet passati tagħha
Cameron Diaz dan l-aħħar dehret fil-pubbliku ġġorr ċurkett b’djamant fuqu wara biss tmien xhur fir-relazzjoni ma’ Benji Madden. Minkejja li ma kkonfermatx li se tiżżewweġ, tkellmet dwar ir-relazzjoni li għandha miegħu, fil-ħarġa tal-Cosmopolitan li ġej.
Skont l-attriċi Amerikana, ta’ 42 sena, kulma hemm bżonn hi regola waħda għall-imħabba.
“Trid issib lil xi ħadd li qiegħed fejn qiegħda int. Iż-żmien f’waqtu hu kollox. Qatt mhu se taħdem jekk tidħol f’relazzjoni fejn int trid ħaġa imma hu jrid oħra. Qatt mhu se twassal fejn tixtieq int. M’għandux x’jaqsam kemm għandek żmien int, li ssib il-ġuvni li qiegħed f’sintonija miegħek u li jrid ikompli miegħek hu l-unika mod kif relazzjoni tista’ taħdem,” sostniet Diaz.
Tkellmet ukoll dwar ir-relazzjonijiet intimi passati li kellha fosthom Matt Dillon, Justin Timberlake, Alex Rodriguez u Sean ‘Diddy’ Combs u x’tgħallmet minnhom.
“Il-biċċa hi din. Tagħmel u terġa’ tagħmel l-istess żball sakemm titgħallem il-lezzjoni. Aħna n-nisa għandna ħabta li nibqgħu nagħżlu l-istess tip ta’ persuna – inkunu mingħalina li jidhru u huma differenti – imma fil-verità jkunu l-istess. U dak tort tagħna.”