Tmut in-nanna Katrin
L-attriċi Mary Rose Bonello għadha kif ħalliet din id-dinja
L-attriċi Maltija Mary Rose Bonello, li ħafna jafuha bħala n-nanna Katrin fis-serje televiżiva Simpatiċi għadha kif ħalliet din id-dinja.
Dan qalitu Frida Cauchi, attriċi li taħdem fuq l-istess serje, fuq il-paġna ta' Facebook ta' Simpatiċi ftit tal-minuti ilu.
Bonello, armla u omm ta' tliet itfal u nanna, bdiet il-karriera tagħha fl-1952 fit-teatru ma' Ġużeppina Attard Montalto fl-Empire Stadium tal-Gżira. Fl-1960 waqfet il-karriera tagħha għal ħmistax-il sena biex setgħet tieħu ħsieb familtha. Kienet imbagħad is-serje televiżiva Wenzu u Rożi, fl-1975 li fetħitilha d-dinja tat-televiżjoni fejn kellha l-parti prinċipali ta' Rożi.
Bonello ħadet sehem ukoll fi produzzjonijiet internazzjonali, fosthom fil-film Clash of the Titans u kellha wkoll parti f'Agora u Sinbad.
Bonello apparti li kienet tirreċta kienet tkanta wkoll fil-korijiet ma' Antoinette Miggiani, Turu Galea u Jack Aloiso.