Lady Gaga talludi li sofriet abbuż sesswali
Allużjoni li malajr daħħlitha f’kontroversja legali
Lada Gaga alludiet li sfat vittma ta’ abbuż sesswali meta kellha 19-il sena. Dan ħareġ waqt intervista ma’ Howard Stern meta kienet qed tiddefendi l-ispettaklu li tat f’Marzu li għadda fejn l-artista Millie Brown irremettiet żebgħa fuqha waqt li kienet qiegħda tkanta.
Meta Stern staqsiha jekk kinitx abbużata sesswalment, Lady Gaga dawret id-diskors u qalet li tippreferi tiffoka fuq żminijiet ferrieħa. Iżda mbagħad semmiet kif raġel 20 sena ikbar minnha approfitta minnha meta kienet għadha daqshekk żgħira u innoċenti għad-dinja tal-ispettaklu. Ammettiet li meta reġgħet ratu darba oħra ma kkonfrontatux dwar li ġara minħabba l-biża’.
“Kellu jgħaddi ħafna żmien qabel ma ħassejtni b’saħħti dwar li ġara. Ma nafx x’kont qed naħseb. M’għidt lil ħadd. U lanqas lili stess ma għidt. Imma mbagħad ħsibt li jekk mhux se naffaċċa li ġara qatt mhu se jitlaq,” qalet Gaga.
Iżda l-akbar biża’ tagħha kienet li xi ħadd joħroġ bl-idea li jattribwixxi x-xogħol u l-kreattività kollha tagħha għal att abbużiv li għamel baħnan.
“Jien nieħu r-responsabbiltà għall-uġigħ tiegħi billi nidher sabiħa u b’affarijiet oħra li għamilt bil-ħila tiegħi.”
Dan kollu malajr daħħalha f’kontroversja legali. L-avukat tal-kantanta Kesha qed isostni pubblikament li Lady Gaga ġiet abbużata minn Dr. Luke, il-produttur tad-diski li Kesha għandha kawża kontrih fuq abbuż sesswali, fiżiku, verbali u emozzjonali.
Imma rappreżentant ta’ Gaga ċaħad dan kollu anzi ħareġ kontra l-avukat li ħa vantaġġ minn sitwazzjoni daqshekk sensittiva. Kelliema għal Dr. Luke wkoll ċaħdu l-akkużi.