Lindsay Lohan għal Londra
L-attriċi se titlaq l-Amerka biex tkun viċin il-fjamma l-ġdida
Lindsay Lohan se titlaq l-Amerka għal Londra minħabba l-fjamma ġdida tagħha. Lohan bħalissa qed toħroġ ma’ bankier mill-post u qed tfittex post fil-belt kapitali biex tibqa’ qribu.
Imma lil sħabha qaltilhom ukoll li tixtieq terġa’ tibda mill-ġdid fl-Ingilterra għax tħossha inqas iġġudikata dwar l-imgħoddi tagħha. Hi għadha kif temmet spettaklu fil-West End, Speed-The-Plow.
Ħabibitha qalet lil The Sunday Mirror: “Lindsay iddeċidiet. Gawdiet iż-żmien li qattgħet f’Londra u trid tibqa’ hawn. Hawnhekk ferħana u għandha n-namrat li tadurah kompletament. Qed tittama li din ir-relazzjoni tirnexxi.
“Iżda l-aktar li tħobb dwar Londra hu li tista’ tħalli l-passat imqalleb tagħha. Lindsay tħoss li żmienha għamlitu l-Amerka, li l-problemi kollha li kellha qatt mhu se jintesew, li tibqa’ titqies bħala dik it-tfajla li ħadet id-drogi u marret il-ħabs.”
Lohan, li għandha 28 sena, qed tittama li tikseb irwol teatrali ieħor f’Londra għax ħadet gost ħafna bl-erba’ xhur li qattgħet fuq il-palk. Hi mistennija li tqatta’ l-Milied ma’ familtha fi New York qabel ma tmur lura l-Ingilterra f’Jannar.