Sony għamlet żball li waqfet il-film - Obama
Ħallejna lill-Korea ta’ Fuq tiddetta x’kontenut naraw, u din hi ġennata – George Clooney
Ilbieraħ il-President Amerikan Barack Obama qal li s-Sony għamlet żball li ċediet għall-hackers tal-Korea ta’ Fuq u waqfet id-distribuzzjoni tal-film The Interview, li jittratta l-konfoffa biex jinqatel il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un. Żied jgħid li l-pajjiż se jirrispondi proporzjonalment għal dan l-attakk ċibernetiku fuq l-istudjo tal-films – li hedded li jweġġa’ lill-persuni li jmorru jaraw il-film fiċ-ċinemas – fil-post u ħin li jiddeċiedu huma.
Imma l-Kap Eżekuttiv tas-Sony irribatta li huma ma ċedewx għat-theddid imma ħallew f’idejn iċ-ċinemas iridux juru l-film. Meta ħamsa mill-aktar ċinemas importanti ddeċidew li ma juruhx, is-Sony ħassew li aħjar jirtiraw id-distribuzzjoni tal-film mill-bqija taċ-ċinemas.
Sadattant George Clooney kien laħaq bagħat petizzjoni lill-iktar persuni b’saħħithom f’Hollywood qabel ma s-Sony waqqfu l-film biex jieqfu kontra t-terroristi ċibernetiċi u biex il-liberta` tal-espressjoni ma tixxekkilx. Imma ħadd ma ffirma li rrabjat ħafna lill-attur Amerikan.
L-attur qal fuq Deadline, “Nafu li jekk inċedu għal dawn il-kriminali se niftħu l-bieb għal kwalunkwe grupp biex jhedded il-liberta` tal-espressjoni... mhux se nkunu fuq saqajna bil-biża’. Ma nistgħux inħallu lil xi ħadd jgħidilna li ma nistgħux naraw xi ħaġa, imbagħad minn Kim Jong-un, minn tant nies... Ħallejna lill-Korea ta’ Fuq tiddetta x’kontenut naraw, u din hi ġennata.”
Clooney jaħseb li ħadd ma ffirma għax beżgħu li jidħlulhom fl-emails tagħhom bħalma ġara lis-Sony. L-attur ma semmiex ismijiet.