
Tiżdied il-probabbiltà li Downton Abbey isir film
L-attriċi Raquel Cassidy tgħid li “hemm tama reali” biex jiġri hekk

Xnigħat li s-sensiela televiżiva Downton Abbey se ssir film donnhom se jsiru realtà. L-attriċi Raquel Cassidy, li tagħmel il-parti tal-qaddejja Phyllis Baxter, qalet lid-Daily Mirror: “Kien hemm taħditiet u żgur li hemm possibbiltà li jsir film ta’ Downton Abbey. Hemm tama reali. Il-film ilu jissemma u hemm ħafna interess kummerċjali u artistiku. Seħħew affarijiet strambi aktar minn hekk, għalhekk ibqgħu segwuna.”
Il-kreatur tas-sensiela Julian Fellowes ġieli kiteb għaċ-ċinema u anki rebaħ Oscar fl-2001 għall-aħjar screenplay oriġinali għall-film Gosford Park. L-istess film kien nominat għal sitt premji oħra kif ukoll nominat għal disa’ premji tal-BAFTA.
Meta Fellowes kien mistoqsi minn Digital Spy iqisx jikteb Downton Abbey għaċ-ċinema, kien qal li jkun ta’ gost kbir imma insista li dan mhux se jsir qabel tintemm is-sensiela fuq it-televixin.
Jekk dan hu minnu – il-film fadallu biex isir. Is-sitt staġun għadu kif ġie kkonfermat li se jsir.