
Jenson Button iżżewweġ lil Jessica Michibata
Jiżżewġu f’ċerimonja fil-Hawaii – xi ħaġa li ftit nies stennew

Jenson Button, ix-xufier tal-Formula 1 Ingliż, iżżewweġ Jessica Michibata, li għandha missierha mill-Arġentina u ommha Ġappuniża. It-tieġ sar fil-Hawaii quddiem madwar 40 ruħ li kienu jinkludu ftit qraba u ħbieb tagħhom. It-tieġ issorprenda lil ħafna nies għax Button kien ta l-impressjoni li l-koppja se jqattgħu biss il-Milied flimkien fil-Hawaii u mhux jiżżewġu.
Hu maħsub li t-tieġ sewa ċifra ’l fuq minn sitt figura. Bdiet għall-ħabta tas-2.30pm it-Tlieta li għadda fuq il-gżira eżotika ta’ Maui. Skont sors tal-gazzetta Mirror, il-koppja għażlet din il-gżira minħabba li qattgħu ħafna vaganzi b’memorji tajbin fiha, allura kienet għażla kważi awtomatika.
Il-koppja tgħarrset fi Frar li għadda ftit wara l-mewt ħesrem ta’ missieru fl-età ta’70 sena. Huma ltaqgħu fl-2008 f’bar Tokyo imma ma aċċettatx li toħroġ miegħu dakinhar. Tmien xhur wara kkonvinċieha tmur tara l-kollezzjoni tal-karozzi tiegħu f’Monaco, fejn jgħix, u hemmhekk fejn fl-aħħar aċċettat li toħroġ miegħu. Huma waqqfu jaraw lil xulxin għal ftit xhur fl-2011 imma malajr reġgħu bdew joħorġu flimkien.
