
Alec Baldwin se jsir missier għat-tielet darba
Iħossu ‘grazzjat’ li ġejja tarbija oħra u did-darba se jkollu tifel

Jumejn ilu Alec Baldwin tkellem dwar it-tieni tqala tat-tieni mara tiegħu Hilaria fuq il-programm televiżiv Extra u qal li jħossu grazzjat ħafna li qed jistennew tarbija oħra. Hu kien ma’ martu, li hi yoga instructor, u binthom Carmen ta’ sena u nofs.
“Inħossni grazzjat, grazzjat ħafna. Se jkollna t-tarbija u dan hu kważi surreali għalija,” qal l-attur ta’ 56 sena. Martu Hilaria Żiedet miegħu, “Vera eċitati li se jkollna tarbija oħra. Żgur ridna li Carmen ikollha ħuha jew oħtha tamparha. Diġà għandha lil Ireland (l-ewwel bint ta’ Baldwin miż-żwieġ ma’ Kim Basinger li għandha 19-il sena). Kif ħarġet Carmen, dort fuq Alec u għidtlu, irrid tarbija oħra.”
Il-koppja qalet kif għamlu bosta testijiet jiskopru s-sess tat-tarbija u dejjem irċivew riżultati mħallta. Imma fl-aħħar ikkonfermaw li qegħdin jistennew tifel u Hilaria ħabbritu b’ritratt fuq Instagram li juri erba’ pari żraben fosthom wieħed żgħir blu.
Alec u Hilaria żżewġu f’Ġunju tal-2012 wara sena namur biss, fl-istess sena li l-attur iffinalizza d-divorzju tiegħu ma’ Kim Basinger, li żżewweġ fl-1993. Binthom Carmen twieldet 14-il xahar wara f’Awwissu tal-2013.
