Sena ġdida, bniedem ġdid

Kull sena praċett, nisimgħu bil-listi u tibdil li kulħadd jgħid li se jagħmel u jrid iżomm miegħu.

Minkejja dan, kulħadd jaf li mil-listi li jsiru, ftit jew xejn huma t-tibdiliet li jinżammu jew li attwalment jagħmlu d-differenza f’ħajjet in-nies. Imma minn fejn ġiet din it-tradizzjoni li f’kull bidu tas-sena li niefqu ftit, naħsbu x’hemm li jista’ jitjieb f’ħajjitna u nagħmlu l-listi ta’ x’irridu nibdlu fil-bqija tas-sena?

Apparentement, din mhix xi tradizzjoni li bdiet ftit ta’ snin ilu, anzi, taf il-bidu tagħha madwar 4,000 sena ilu meta n-nies tal-Babilonja kienu jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida f’Marzu li imbagħad ir-Rumani biddluha għax-xahar ta’ Jannar li hu msemmi ad unur l-alla Janus li huwa l-alla tal-bidu u t-tmiem li jirrapreżenta l-passat u l-futur. Dawn in-nies tal-Babilonja, fost il-wegħdiet li kienu jagħmlu lill-allat, kienu jwiegħdu li jħallsu dejnhom. Fi żmien ir-Rumani, ir-riżoluzzjonijiet li jsiru kienu jkunu aktar fuq bażi morali fejn fost l-oħrajn kienu jippruvaw jkunu aktar qalbhom tajba mal-proxxmu. Dawn ir-riżoluzzjonijiet evolvew sakemm wasslu biex iġiegħlu n-nies jiefqu ftit u jaħsbu fuq is-sena li tkun għadha kemm għaddiet u dik li tkun se tibda. Minn hemm, jiktbu lista ta’ affarijiet li jixtiequ jibdlu jew itejbu fosthom ikunu aktar karitattivi, itejbu t-talenti tagħhom u joqgħodu ’l bogħod mid-dnubiet tas-soltu.

Illum il-ġurnata, ħafna minnha jagħmlu din il-lista ta’ tibdiliet li jixtieq li jattwaw bl-iktar waħda popolari tkun li tissieħeb ma’ xi gymjew tibda xi tip ta’ eżerċizzju u tibda d-dieta biex tnaqqas mill-piż. Riżoluzzjonijiet oħra li dejjem ikunu komuni huma li ġġemma’ iktar flus, taqta’ t-tipjip jew l-alkoħol u li tiekol ikel li huwa tajjeb għas-saħħa.

Parir siewi biex dawn ir-riżoluzzjonijiet effettivament iżomm magħhom għal iktar minn ġimgħa, kif is-soltu jsir, huwa li ma żżommhomx sigrieta. Jekk dawn ir-riżoluzzjonijiet li tagħmel taqsamhom ma’ ħaddieħor, taf li kapaċi jistaqsuk fuqhom u kif qed iżżommhom, li tgħin biex taħdem fuqhom u żżommhom fit-tul.

X’jaħsbu dwar ir-riżoluzzjonijiet il-personalitajiet lokali?

 

Nathan Darmanin

M’iniex it-tip li ngħid li ħa nagħmel riżoluzzjoni...kont xi darba nagħmel hekk. Nemmen li aħjar li jkollok ftit miri żgħar kuljum u tipprova tilħaqhom milli tagħmel ħafna f'daqqa fil-bidu tas-sena, għax ilkoll nafu li probabbilment, qatt ma tasal biex iżzommhom. Ħafna mid-drabi, min jagħmel xi riżoluzzjoni, jagħmel hekk għaliex ikollu xi ħaġa li tkun ilha fuq moħħu għal tul ta’ żmien bħad-dieta, gym bla bla...li jkunu kważi kważi l-istess riżoluzzjonijiet minn sena għall-oħra. L-unika riżoluzzjoni li għandek tagħmel, jekk verament trid tagħmel waħda hi li tipprova tkun persuna aħjar…ftit aħjar, kuljum. Is-Sena t-Tajba!

 

Moira Delia

Ir-riżoluzzjonijiet tiegħi nipprova nagħmilhom realistiċi kemm jista’ jkun biex inkun nista’ nżommhom! Din is-sena ddeċidejt li għalkemm nibqa’ sejra b'xogħli fit-televiżjoni kif ukoll mal-annimali, nixtieq li niddedika iktar ħin għan-nies qrib tiegħi bħal-familja u ħbieb. Xi minn daqqiet, bil-kwantità ta’ xogħol li naċċetta, innaqqas wisq mill-ħin ta’ mal-familja u l-ħbieb mingħajr ma ninduna, u għalhekk din is-sena, din se tkun importanti għalija! L-ittra ta’ Nirvana kienet u tibqa’ l-punt tat-tluq tal-qofol ta’ din ir-riżoluzzjoni u kultant niftaħ ktieb żgħir li qassmu l-ġenituri tagħha waqt il-quddiesa ddedikata għaliha, u naqrah!
Il-pożittività hija wkoll prijorità li kienet u tibqa’ f'ħajti. Fl-aħħarnett, li ngħin lill-annimali kif ukoll lill-bniedem huwa importanti f'ħajti u nibqa’ nagħmel dan tul ħajti kollha.

 

Kristen Camilleri

Jien ma tantx nemmen fir-riżoluzzjonijiet, forsi għaliex meta ppruvajt nagħmel riżoluzzjoni, qatt ma rnexxieli nżommha. Jien naħseb li l-moħħ tal-bniedem huwa ffurmat b’mod li jekk taħseb wisq fuq xi ħaġa li tixtieq tibdel jew tibda, tispiċċa jew ma żżommix jew tagħmel bil-kontra. Fl-opinjoni tiegħi, riżoluzzjoni għandek tagħmilha ma’ xi avveniment jew esperjenza li tgħaddi minnha fil-ħajja. Tagħmel aktar effett li kieku tieħu deċiżjoni fil-mument milli tippjana minn qabel.

 

Keith Demicoli

Mhux xi wieħed li nemmen fir-riżoluzzjonijiet, għax nemmen li jekk trid tagħmel xi ħaġa, trid taqbad u tagħmilha jew taħdem għaliha. Madankollu, tajjeb li fil-bidu tas-sena tfassal għanijiet jew oġġettivi li tixtieq tilħaq fi tmiem din is-sena. Għaldaqstant, għall-2015 għandi żewġ riżoluzzjonijiet jew għanijiet ewlenin; li nibda niġri b'mod aktar regolari u nispiċċa n-nofs maratona ta' Malta, u nqatta' aktar ħin mal-familja. Għalkemm matul l-2014 diġà bdejt naħdem fuqhom, determinat li nkompli naħdem fuqhom.

 

More in Zekzik