
Id-divorzju tal-ġenituri għamilha min hi
Jennifer Aniston issostni li żviluppat sens tajjeb ta’ umoriżmu biex tkampa bil-problemi familjari

Waqt li kienet mistiedna fuq il-programm televiżiv Amerikan CBS Sunday Morning biex titkellem dwar l-aħħar film tagħha Cake, Jennifer Aniston tkellmet dwar żewġ divorzji li ġraw f’ħajjitha – tagħha ma’ Brad Pitt u tal-ġenituri tagħha.
Dwar id-divorzju li ġarrbet hi, issostni li t-tnejn li huma qalbu l-folja u komplew b’ħajjithom, anke jekk kultant iżommu kuntatt bejniethom bħal li jibagħtu x-xewqat tal-Milied lil xulxin. Imma minkejja dan għadha tiġi mistoqsija dwaru għax temmen li hi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir u allura jibqgħu jistaqsu fuqu, 10 snin wara. Żiedet tgħid kif hi u Pitt għadhom jitkellmu kultant.
Dwar id-divorzju tal-ġenituri, li seħħ meta kellha disa’ snin, tgħid li hu ffurmaha kompletament.
“Fis-sens, onestament l-aktar ħaġa pożittiva li ħareġ minnu kien is-sens ta’ umoriżmu tiegħi, għax kien hemm għadd ta’ mumenti ta’ dwejjaq, bħalma jista’ jgħidlek kwalunkwe tifel jew tifla li esperjenzaw id-divorzju tal-ġenituri tagħhom.”