Il-koppja Clooney ‘huma Charlie’
Uħud mill-atturi tal-Golden Globes juru solidarjetà ma’ Franza kontra t-terroriżmu
Amal Clooney attendiet għaIl-premji tal-Golden Globes għall-ewwel darba u malajr ħadet l-okkażjoni biex twassal messaġġ politiku – dak ta’ Charlie Hebdo. Hi waħħlet badge mal-basket tagħha, bil-kliem ‘Je suis Charlie’, waqt li żewġha l-attur George Clooney waħħal tiegħu mal-but ta’ fuq tal-ġlekk.
Amal, li hi avukat għad-drittijiet umani, kienet qalet fil-magazin Elle li se tilbes libsa ta’ Dior u se ġġorr basket irtukkat apposta biex juri solidarjetà mal-poplu Franċiż li kellu ġimgħa kerha.
Kien hemm persuni oħra magħrufa li ngħaqdu mal-koppja biex iwasslu l-messaġġ kontra t-terroriżmu fosthom id-dama Helen Mirren. L-attriċi ta’ 69 sena waħħlet pinna b’labra tas-sarwan mal-libsa ħamra eleganti tagħha kif ukoll ġarret karta f’idha bil-kliem ‘Je suis Charlie’. Hi għadha ma qalet xejn pubblikament dwar l-attakki terroristiċi imma d-daħqa fuq wiċċha waqt li kienet qed tippoża għar-ritratti tgħid ħafna.
Minbarra dawn kien hemm ukoll l-atturi Kathy Bates, Joshua Jackson u Diane Kruger, li kollha ġarrew il-karta jew il-mobile bil-kliem magħruf.