
Hu l-ħames u l-aħħar żwieġ tiegħi
Id-Dama Joan Collins kuntenta ma’ żewġha li hu 32 sena iżgħar minnha

Wara 13-il sena żwieġ ma’ Percy Gibson, li hu 32 sena iżgħar minnha, Joan Collins qalet lill-magazin Hello kemm tinsab kuntenta miegħu.
“Hu l-ħames żwieġ tiegħi, u l-aktar wieħed ferħan, u l-aħħar wieħed. Percy hu inkredibbli, hu s-soulmate tiegħi. Ma jfissirx li ma nillitikawx imma nifhmu ħafna ’l xulxin,” qalet l-attriċi ta’ 81 sena.
Gibson, li għandu bosta proprjetajiet madwar id-dinja ma’ martu, qal li jieħu gost juri kemm marru żmerċ dawk li m’emmnux li l-koppja se tibqa’ flimkien.
“Żgur li qatt ma kont daqshekk kuntent u nittama li nagħmel lil Joan ferħana għax żgur li ħaqqha,” tenna Gibson.
Collins tibqa’ magħrufa l-aktar għar-rwol Alexis li kellha fis-soap opera Amerikana Dynasty. Ammettiet li għaddietilha minn rasha li tagħmel kirurġija plastika imma beżgħet wisq biex tagħmilha.
“Jogħġbuni l-linji ffurmati bid-daħq – tkun ġennata li ma jkolli xejn fl-età tiegħi – u xortija tajba li għandi ħaddejn tajbin.”