Gary Glitter jinstab ħati ta' abbużi sesswali fuq tfajliet minorenni
Kellu x'jaqsam sesswalment ma' tifla ta' 13-il sena
Ġuri fil-Gran Brittanja sab lir-rock singer Gary Glitter ħati ta' sensiela ta' abbużi sesswali ma' tliet tfajliet taħt l-età fis-sebgħinijiet.
Glitter li llum għandu 70 sena u li ismu proprju hu Paul Gadd instab ħati fuq attentat ta' stupru, erba' akkużi ta' abbużi indiċenti u każ li kellu x'jaqsam sesswalment ma' tifla taħt l-età ta' 13-il sena.
Il-prosekutur qal li Paul Gadd abbuża mill-popolarità tiegħu biex jabbuża minn tfajliet taħt l-età u dan l-abbuż it-tfal jibqgħu jġorruh għomorhom sħiħ.
Glitter ġie mijsub ħati minn ġuri li dam ħmistax-il ġurnata fejn il-ġurati kienu ħamest irġiel u seba' nisa. Kif inqatgħet is-sentenza li hu ħati hu beda jitfa' l-bews lill-gallarija li kienet mimlija ġurnalisti. Hu nżamm arrestat sa ma tingħata s-sentenza fis-27 ta' Frar li ġej.
Is-sentenza massima għal sess fuq minorenni fl-Ingilterra hi ta' għomor il-ħabs.