[FILMAT] Attakk ta' razziżmu fuq it-tren ta' Londra
Mara tgħid lil raġel ta' ġilda skura li kollox ġej min-naħa tagħhom għax kienu "skjavi"
Filmat ta' mara li tidher li qed tgħid lil passiġġier ieħor li missirijietu "kienu skjavi" waqt argument fuq it-tren ta' Londra qed jiġi investigat mill-pulizija.
L-inċident seħħ bejn il-mara ta' dixxendenza Ewropea u raġel ta' ġilda skura fuq il-Jubilee line bejn Stratford u West Ham.
Fil-filmat li qiegħed hawn taħt, raġel jinstema' jgħajjat mal-mara li allegatament qaltlu "tmissnix" wara li ħabat bi żball magħha. Il-mara tinstema' tgħid "Int qed issejjaħli razzista, jien m'iniex razzista. Għalhekk in-nies għandhom problema bikom. Jien għandi ħbieb suwed. M'iniex razzista."
"Kieku aġixxejt bħan-nies kieku ma kienx ikolli problema. Int għandek problema għax intom kontu skjavi," tkompli tgħid il-mara.
Passiġġiera oħra ssieħbu fl-argument u għajtu magħha biex tagħlaqlu u ma tgħidx dawk l-affarijiet.
Ir-raġel, qallha li biex tuża s-sens komun u għajjat ħames darbiet "għadek kif sejjaħtli skjav."
Fil-filmat imbagħad jidher jitlaq u oħrajn ikomplu jargumentaw bejniethom qabel ma jerġa' jiġi lura.
Il-mara tgħajru wkoll bi kliem ħażin u żżid "Onestament, xebbajtuni" mbagħad imxiet lejn il-vaguna u ma tibqax tidher fil-filmat.
Mhux ċert meta seħħ eżatt l-inċident imma l-filmat qed ikun investigat. Il-Pulizija tat-Trasport qed jappellaw biex dik il-persuna li ġibdet il-filmat għandha tikkuntattjahom biex tgħinhom fl-investigazzjoni.