
Sir Elton John f'bojkott kontra Dolce & Gabbana
Il-koppja tal-istilisti tkellmu dwar il-familji b'ġenituri gay u t-tfal li twieldu permezz tal-IVF li sejħulhom 'sintetiċi'

Il-kantant ta; 67 sena qal li qed jagħmel bojkott fil-konfront tal-kumpanija tal-moda u l-koppja Dolce u Gabbana. Dan minħabba li l-koppja tal-moda, f'intervista mal-magażin Panorama qalu li ma jaqblux mal-IVF.
"Il-ħajja għandha mod naturali, hemm affarijiet li m'għandhomx jiġu modifikati," qalu Dolce u Gabbana filwaqt li saħqu fuq "l-importanza tar-relazzjonijiet fi ħdan familji konvenzjonali b'valuri verament tradizzjonali."
Uħud raw dawn il-kummenti bħala ipokriti minħabba li kienu ġejjin minn tnejn min-nies li kienu koppja sal-2005 u baqgħu jaħdmu flimkien anke wara li infirdu.
Elton John kellu problema b'mod partikolari għall-fatt li fl-intervista, il-koppja għamlu referenza għat-tfal li jitwieldu permezz tal-IVF billi rreferew għalihom bħala 'sintetiċi' u bħala tfal li twieldu min 'ġuf mikri'. John ħassu urtat b'dawn il-kummenti minħabba li hu għandu żewġt itfal mar-raġel tiegħu, David Furnish, permezz tal-IVF.
Fuq is-sit soċjali ta' Instagram, Elton John qalilhom, "B'liema dritt tirreferu għat-tfal tiegħi bħala 'sintetiċi'? Misskom tistħu tippuntaw subgħajkom u tiġġudikaw l-IVF. Huwa miraklu li ta l-opportunità lil ħafna nies li għandhom ħafna mħabba, kemm gay u straight, biex titwettaq ix-xewqa tagħhom li jkollhom it-tfal."

Kompla billi qal li, "Mhux se nilbes Dolce and Gabbana qatt iktar."
Mal-kummenti ta' Elton John, kien hemm ħafna aktar personalitajiet li ingħaqdu miegħu jikkundannaw lil Dolce u Gabbana.
Min-naħa tagħhom, Dolce u Gabbana qalu li ma kellhomx l-inenzjoni li jiġġudikaw lil ħadd imma kienet biss l-opinjoni tagħhom.
"Aħna nemmnu fid-demokrazija u l-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni. Ahna tkellimna dwar kif naraw il-kwistjoni aħna, imma qatt ma kellna l-intenzjoni li niġġudikaw l-għażliet ta' ħaddieħor."