Illum jiġi ċċelebrat Jum San Patrizju

Festa li tiċċelebra t-tradizzjonijiet Irlandiżi - birer, kostumi u parati
 

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' San Patrizju xterdu mad-dinja kollha
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' San Patrizju xterdu mad-dinja kollha

Nhar is-17 ta’ Marzu ta’ kull sena, tista’ tgħid li d-dinja tinżebaħ ħadra – hekk kif tradizzjoni li bdiet fl-Irlanda u mxiet sakemm issa laħqet anke l-aktar irkejjen imbegħdin mill-pajjiż li fih bdiet.

Dik li xi darba kienet festa reliġjuża għall-qaddis patrun tal-Irlanda – San Patrizju, illum saret ċelebrazzjoni tal-kultura Irlandiżà, ċelebrazzjonijiet li ma jistgħux ma jkunux karatterizzati minn nies libsin l-aħdar, kpiepel u kostumi, u ovvjament, tazza jew tnejn tal-birra Irlandiża li l-kulur skur tagħha donnu sar kulur tradizzjonali ta’ din il-festa wkoll.

San Patrizju, skont it-tradizzjoni, mar lura l-Irlanda wara li safa maħtuf bħala skjav, fejn imbagħad beda jikkonverti lill-Irlandiżi għall-Kristjaneżmu. It-tradizzjoni tgħid ukoll li miet fis-17 ta’ Marzu. Jingħad li l-aħdar sar il-kulur assoċjat ma’ din il-festa għaliex dan il-qaddis kien juża shamrock – pjanta bi tliet werqiet, sabiex jispjega it-trinità qaddisa lill-Irlandiżi Pagani. Imma wħud isostnu li l-aħdar dejjem kien assoċjat mal-Irlanda, sa mis-seklu 16.

Għalkemm din hija festa pubblika fir-Repubblika tal-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq, iċ-ċelebrazzjonijiet u l-parati ma jsirux hemm biss. New York, fil-fatt, għandha l-ikbar parata f’dan il-jum li ddum għaddejja 6 sigħat u li jieħdu sehem fiha sa 150,000 persuna.

Barra minn hekk, monumenti famużi madwar id-dinja jinxtegħlu bl-aħdar f’dan il-jum – bħalma huma l-Piramidi ta’ Giza, kif ukoll il-Kollossew f’Ruma.

U hawn Malta? Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet bosta ċċelebraw f'lokalitajiet bħall-Furjana, Tas-Sliema u San Ġiljan. Dalgħodu kien hemm parata fil-Belt Valletta fi Triq ir-Reppubblika. Barra minn hekk, iċ-ċelebrazzjonijiet mistennija jkompli aktar tard mal-jum, hekk kif wara x-xogħol bosta jinġabru għal tazza birra jew tnejn fil-pubs favoriti tagħhom.

More in Zekzik