"Elphie" - iljunfant jieħu stessu bil-camera ta' turist

Tifkira mhux tas-soltu għal turist Kanadiż imsiefer fit-Tajlandja

Huma ħafna dawk it-turisti li fil-vjaġġi tagħħom jieħdu ritratti ma' dawk l-affarijiet li jikkaratterizzaw il-post - fosthom anke ma' annimali li mhux imdorrijin jaraw fil-pajjiż li jkunu ġejjin minnu.

Iżda għal Christian LeBlanc, Kanadiż ta' 22 sena, is-sitwazzjoni daret bil-kontra - hekk kif spiċċa b'iljunfant jieħu stessu miegħu hu, u mhux bil-kontra. Dan ġara waqt is-safra tiegħu fi gżira fit-Tajlandja aktar kmieni din is-sena.

"Jien u t-tfajla tiegħi konna qed nesploraw il-gżira meta ltqajna ma' xi iljunfanti,"qal lis-CNN permezz ta' email. "Għal 50ċ stajt tixtri kannestru mimli banana u toqgħod titmagħhom, u allura ddeċidejna li nġibu waħda."

Kompla jispjega li l-iljunfant li għażel li jitma donnu ma bbastax l-ikel li tah, hekk beda jurih li jrid aktar ikel. "Li naf li ftit wara qabad il-GoPro u b'xi mod għandi l-aħjar stessu li qatt ħadt f'ħajti - li ma nistax nieħu l-prosit għalih jien!"

Il-GoPro ta' LeBlanc kienet ipprogrammata sabiex tieħu r-ritratti ħin kollu b'mod kontinwu, u allura ħadet ir-ritratt awtomatikament - iżda hu mhux jiċħad li l-iljunfant kien jaf x'inhu jiġri. L-iljunfanti huma annimali intelliġenti ħafna, u b'hekk, sostna LeBlanc, iġibek f'dubbju kienx jaf x'qed jagħmel jew le.

More in Zekzik