Il-blog b'artiklu kontroversjali dwar Malta issa m'għadux aċċessibbli
L-artiklu ta' Times of Sicily qajjem kontroversja fuq il-mezzi soċjali
Artiklu dwar żjara ta' blogger f'Malta, The Times of Sicily, li ddeċidiet li tikteb dwar l-esperjenza tagħha fuq din il-gżira qajjem kontroversja sħiħa lbieraħ fuq il-mezzi soċjali, hekk kif skont l-artiklu, l-awtriċi ma kellhiex l-aħjar esperjenza hawn Malta.
Bosta esprimew id-diżappunt tagħhom għal kif ġiet impenġija Malta f'dan l-artiklu, fejn l-awtriċi fost l-oħrajn qalet li Malta hija "overcrowded, overpriced and overbuilt" - hawn wisq nies, tiswa wisq, u hawn wisq bini.
Iżda jidher li kien hemm min ma ħallihiliex lixxa, hekk kif l-blogger stess fuq il-paġna ta' Facebook stqarret li ma tafx "għaliex il-Maltin qed joffendu ruħhom daqshekk bl-artiklu tiegħi?" fejn qalet li dan huwa skont il-kummenti li bdiet tirċevi.
Illum il-blog sospiż - fejn bosta bdew jorbtu l-fatt li l-blog m'għadux aċċessibbli mal-fatt li kitbet dan l-artiklu dwar Malta, minkejja li dan kollu jista' jkun b'kumbinazzjoni.