It-“transvestiti” li ħallewna mwaħħlin mal-iskrin
Għalfejn rġiel famużi (internazzjonalment u lokalment) li jilbsu ta' nisa jqajjmu ħafna interess fid-dinja tat-teatru, televiżjoni u films
Lilhinn mid-diskussjonijiet dwar liġijiet, drittijiet u dmirijiet u lilhinn mid-diskors ta’ moralita’ jew nuqqas tagħha, ikollna nammettu li l-fattur ta’ rġiel li jilbsu ta’ nisa, fid-dinja tad-divertiment, speċjalment it-televiżjoni, ħallew eluf jekk mhux miljuni kbar mwaħħlin mal-iskrin. Huwa fatt li raġel li jilbes ta’ mara għadu fattur li jqajjem ħafna interess u li kważi, kważi huwa assigurazzjoni ta’ suċċess għal dik il-produzzjoni partikolari.
X’kien ikun il-film Mrs. Doubtfire, kieku l-mibki u qatt minsi attur Robin Williams ma kienx liebes ta’ mara? Kemm kien ikun suċċess, bħalma fil-fatt kien, il-film kieku Williams iddeċieda li jiġġieled id-deċiżjoni tal-Qorti li jara lill-uliedu darbtjen fil-ġimgħa biss, fl-apparenza maskili tiegħu? Huwa minnu li Mrs Doubtfire kienet qajjmet l-interess u l-ammirazzjoni minħabba li wriet sa fejn kapaċi jasal missier biex jkun qrib uliedu, imma wieħed ma jistax jiċħad anqas illi l-fattur ta’ Williams liebes ta’ mara jibqa’ dak li ġibed tant nies lejn iċ-ċinema u s-settijiet tat-TV.
U xi ngħidu għal Conchita, li rebħet il-Eurovision tal-2014 bid-diska ‘Rise like a Phoenix’ għall-Awstrija? Bla dubju li kellha leħen tajjeb u anke d-diska kienet waħda qawwija, perfetta għal xi produzzjoni ta’ James Bond. Imma fil-verita’ l-qawwa ta’ Conchita kien l-fatt li huwa raġel liebes ta’ mara, anke jekk għaddej bil-proċess biex fil-fatt ikun mara, u biex iżżid mal-interess ħalliet il-leħja ħalli dawk li kienu qed isegwu l-Eurovision żgur ma jinsewhiex. Kieku d-diska kienet kantata minn mara, għalkemm m’għandniex dubju li kienet tmur tajjeb, għandna dubju kemm kienet tirbaħ il-Eurovision.
Bħalissa, fil-quċċata tal-kummiedji mir-Renju Unit hemm ‘Mrs. Brown’s Boys’, li qed jintwera wkoll’ fuq l-istazzjon nazzjonali Malti. Din il-kummiedja ddur madwar familja, xejn tradizzjonali, u l-omm (Mrs. Brown) li tista tiddiskreviha biss bħala “kaxxa nfernali ta’ ġenn”. Il-mod kif Mrs. Brown, li fir-realta’ huwa raġel, jirnexxhielha tilħaq mhux biss l-udjenza televiżiva, żżda wkoll l-udjenza li jkun hemm fl-istudjow hija spejagazzjoni biżżejjed li turi għalfejn dan il-karattru sploda tant. Taħsbu li kien ikun daqstant popolari s-serje kieku minflok Mrs. Brown kien ikollna Mr. Brown? Għandna dubju.
Immorru lura ftit snin u nsemmu dak li l-magażin People ddeskriva bħala “r-Reġina tad-Drag tas-seklu”, jiġifieri Harris Glenn Milstead magħruf aħjar bħala ‘Divine’. Għalkemm spiċċat ingħatat kull tip ta’ titlu minħabba l-apparenza tagħha Divine kienet telgħet fil-quċċata tal-popolarita’ f’films bħal ‘Pink Flamingoes’ u ‘Hairspray’ kif ukoll b’diski bħal “I’m so beautiful” u “You think you’re a man”.
U la qed nitkellmu dwar it-transvestiti fl-industrija tat-teatru, mużika u films, nistgħu ma nsemmux lil Tim Curry fir-Rocky Horror Picture Show? Huwa wieħed mill-musicals l-aktar klassiċi u popolari ta’ kull żmien b’Curry jagħmel il-parti ta’ Doctor Frank-N-Furter. L-iktar diska li tibqa’ mwaħħla fil-memorja kollettiva tal-film hija’ ‘Sweet transvestite’. Kif jissuġerixxi l-isem tad-diska, mingħajr il-fattur ta’ Curry liebes ta’ mara din il-produzzjoni kienet titlef ħafna mill-ammirazzjoni kontinwa u l-popolarita’ qawwija li kisbet matul is-snin u li għad għandha sal-lum.
B’imħatra li nsejtu li Patrick Swayze kien libes ta’ mara fil-film ‘To Wong Foo, Thanks for everything’? B’imħatra li nsejtu li anke John Travolta kellu parti liebes ta’ mara fil-film u musical ferm popolari ‘Hairspray’ fil-parti ta’ Edna Turblad? U la semmejna l-isem Edna ma nistgħux ma nsemmux lil Dame Edna (Barry Humphries), popolari ħafna fl-Awstralja għall-partijiet tagħha fi produzzjonijiet ta’ films.
Iktar riċenti, rajna films oħrajn li ċċentraw madwar il-figura ta’ raġel li jilbes ta’ mara, fosthom Eddie Murphy fil-film komiku ‘Mama’ li bla dubju għamel suċċess fiċ-ċinema madwar id-dinja kollha. F’dan il-film membru tal-FBI, bil-parti magħmula minn Martin Lawrence, jkollu jinbidel f’din il-mara Afro-Amerikana bħala parti minn pjan biex jinqabad kriminal bl-isem ta’ Lester.
....u lokalment
Dan il-fattur mhux xi wieħed esklussiv għal produzzjonijiet barranin, fil-fatt f’pajjiżna, li raġel jilbes ta’ mara hija xi ħaġa popolari ħafna li tinżel għasel mat-telespettaturi Maltin.
Hector Bruno u George Micallef kellhom produzzjoni, li nazzardaw ngħidu splodiet l-istazzjon tal-PN, Net TV, ‘l fuq sew fil-bidu tiegħu. ‘Jessy u Bessy’ kien serje komiku dwar żewġ nisa aħwa, waħda fuq tagħha, li kelma ma tantx iżommha fl-istonku u oħtha li kienet aktar kwieta u kawta. Bla dubju din il-produzzjoni kienet il-qofol tal-“koppja” televiża bejn Bruno u Micallef. Mingħajr il-fattur ta’ żewġ irġiel lebsin ta’ nisa, Jessy u Bessy ma kienu jkunu xejn, żewġ karattri li ma jafhom ħadd.
Kull sena fil-Milied eluf ta’ Maltin erħilhom imorru jsegwu xi pantomima, min isegwi dik bil-Malti u oħrajn isegwu dik bl-Ingliż. Imma liema huwa l- karattru li dawk li jmorru l-pantomima jkunu qed jistennew l-aktar? Mhux id-Dama? Mingħajr id-Dama, raġel liebes ta’ mara ġeneralment b’kostumi u make up eseġerat, il-pantomima mhi xejn. Fil-fatt din il-produzzjoni teatrali komika u mill-aktar satirika ma tkun xejn jekk mhux għall-preżenza u l-abbilta’ li d-dama tkanta, tiżżufjetta b’xi personaġġi, l-aktar politiċi, u li tuża l-ispirtu pront fejn neċessarju.
Anke għall-Malta Song Festival fl-2008 kellna lil Ray Calleja liebes ta’ mara kbira u pjuttost mibruma, magħrufa bħala ‘Josette’ li kantat id-diska ‘catwalk’. Minkejja li ma rebħitx lil Josette kont taraha kullimkien, programmi ta’ diskussjoni, avvenimenti ta’ karita’, parties. Insomma kullimkien.
Imma għalfejn popolari?
Il-mistoqsija tibqa’ allura, għalfejn raġel liebes ta’ mara għandu din il-kapaċita’ li jdaħħaq u li jkun ta’ divertiment akbar? Probabilment ir-risposta qiegħda fil-fatt illi dan il-fattur jinjetta aktar teatralita’ fil-produzzjoni. Raġel liebes ta’ mara huwa tad-daħk, għax qed nistennew li persuna b’attribwiti maskili se jkollha toħroġ il-femminil li hemm fiha u xi kultant dan mhux daqstant faċli.
Tant hu hekk li r-reazzjoni tan-nies għal attur, Malti jew barrani, li jilbes ta’ mara huwa “kemm jinqala’” jew “kemm jaf jagħmilha ta’ mara”. Huma bosta għalhekk li jaraw l-abilita’ ta’ raġel, speċjalment jekk huwa maskili ħafna, li jagħmel parti ta’ mara, bħala ċ-ċertifikat aħħari li l-attur huwa wieħed ta’ ħafna talent.
“Mingħajr id-Dama, raġel liebes ta’ mara ġeneralment b’kostumi u make up eseġerat, il-pantomima mhi xejn”
Immorru żbaljati iżda jekk naħsbu li m’hemmx realta’ akbar wara l-fatt li rġiel jilbsu ta’ nisa fid-dinja tal-mużika u t-teatru. Fil-fatt it-teatru u l-films kienu dejjem l-lok fejn raġel seta’ jesprimi, forsi xi ftit aktar, l-aspett femminili tiegħu. Kieku raġel, hu min hu, kellu jażżarda jilbes bħal Mrs Doubtfire jew bħal Divine, u jinżel jippassiġġa mal-baħar żgur li jkun qed jattira lejh r-redikolu tal-massa. Iżda ladarba l-istess figura maskili tilbes hekk fuq l-istejġ l-mod kif inħarsu lejn il-persuna jinbidel. Ma jibqax redikolu, jew redikolu sa barra, imma jsir bniedem ta’ talent kbir, li jdaħħaq, jbikki u jiddeverti.
Jiġifieri it-teatru u l-films jistgħu qed iservu ta’ pjattaforma mhux biss biex joħroġ aspett fil-karattru ta’ persuna li jkun moħbi, iżda jista jkun ukoll qed jagħmel dak li hu tabu’, aċċettabbli għas-soċjeta’. Apparti t-teatralita’ tat-transvestija quddiem l-iskrins tat-TV, fil-fond, it-telespettaturi jafu li meta raġel jippreżenta lilu nnifsu ta’ mara jkun qed joffri ħafna interess, għax min qed jarah ikun irid jsir jaf, kemm lir-raġel li mhux qed jara, kif ukoll lill-mara quddiemu.