Ir-reġina mistennija ġġib magħha temp ikraħ
Is-sit www.firstmalta.com ibassar maltemp għal jiem taċ-Chogm
Is-sit speċjalizzat fuq it-tbassir tat-temp www.firstmalta.com qed iħabbar li r-Reġina tal-Ingilterra u mexxejja ta’ pajjiżi oħra li ġejjin Malta għall-laqgħa taċ-CHOGM, li se ssir bejn is-27 u d-29 ta’ Novembru, kważi ċertament, se jkunu milqugħa minn temp ikrah u maltemp. Dan se jkun jikkuntrasta bil-kbir mat-temp li esperjenzaw il-mexxejja tal-EU u pajjiżi Afrikani waqt is-summit dwar l-immigrazzjoni l-ġimgħa l-oħra fejn it-temp sabiħ u x-xemx kienu prevalenti għall-ġimgħa kollha.
Is-sħana li esperjenzajna fil-ġimgħat li għaddew kienet ikkawżata minn antiċiklun li fforma fuq it-tramuntana tal-Afrika u li mexa lejn iċ-ċentru tal-Mediterran għal fuq Malta u pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa. Dan l-antiċiklun ġab miegħu sħana mhux tas-soltu, iżda issa jidher li se jibda’ jnaqqas mill-intensita’ tiegħu lejn l-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Filwaqt li massa ta’ arja kiesħa li qed tiżviluppa fil-pajjiżi Skandinavi u fuq ir-Russja mistennija tibda’ tinżel l-isfel lejna. Dan ifisser li t-temperaturi se jibdew jiksħu xi ftit fil-ġranet li ġejjin. Iżda l-konflitt inevitabli bejn l-antiċiklun u l-arja kiesħa li nieżla lejna se jġib miegħu Maltemp fuq in-nofsinhar tal-Italja, Sqallija u Malta lejn l-aħħar tax-xahar.
Għal rapport dettaljat tat-temp għas-sebat ijiem li ġejjin żur www.firstmalta.com