Muscat iffaċċjat minn ‘Le Iene’ dwar il-ħlas fuq il-Parlament
U jgħidilhom li ‘l-Gvern Malti ma jaqbadx u jħallas kif ġieb u laħaq jekk ma jkunx sodisfatt bix-xogħol’
Kienet xena interessanti dik li setgħu jaraw il-mistiedna li kienu deħlin għas-serata Gala organizzata minn ‘The Economist’ f'pajjiżna nhar il-Ġimgħa, hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat sab ma' wiċċu crew ta' Le Iene hekk kif wasal fuq il-post.
Jidher li crew minn dan il-programm ta' Mediaset ġew Malta biex jistaqsu dwar ħlas li qed tgħid li għandha tieħu kumpanija Taljana fir-rigward tal-bini tal-Parlament il-ġdid fil-Belt Valletta.
Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta, jidher li l-Prim Ministru kompla sew ma' Le Iene, u rrisponda b'botti niggieza hekk kif it-Taljani bdew jimplikaw li l-Maltin ma jħallsux.
Jidher li Joseph Muscat qal li l-Gvern Malti ma jaqbadx u jħallas kif ġieb u laħaq jekk ma jkunx sodisfatt bix-xogħol għaliex dawn huma flus tat-taxpayers Maltin.Huwa kompla jirribatti billi sostna li fejn il-kumpaniji inklużi dawk Taljani, għamlu xogħolhom sewwa, tħallsu. Fejn hemm hemm id-dubji, dawn il-flus ma tħallsux.
Jidher li l-Prim Ministru wiegħed li se jkun hemm laqgħa li matulha, l-Grand Harbour Regeneration Corporation se tispjega l-fatti kif jirriżultaw lilha. Ninsabu infurmati li din il-laqgħa saret ilbieraħ filgħodu.
Mument ħelu f'din l-intervista niggieża kienet xħin it-Taljani staqsew lil Joseph Muscat jekk jogħġbux il-Parlament. Il-Prim Ministru, li huwa magħruf li qatt ma kellu xi affinità partikolari lejn dan il-proġett ta’ Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, wieġeb li hu mhu ħadd biex jikkritika lil Renzo Piano, u ladarba l-ħaġa hija f'Malta hu se jkun qed jfaħħarha biss.
Iżda Muscat, bilfors kellu jitfa’ dik il-botta kontra l-proġett tal-Parlament, ikkritikat minn bosta minħabba l-ispiża u d-diżinn tiegħu u żied jgħid ukoll li kieku kien hu Prim Ministru dak iż-żmien, “€100 miljun kont nużahom mod iehor. Kont nużahom għall-poplu.”