Ġew jistudjaw l-Ingliż u sabu l-imħabba ta' ħajjithom
Emanuele u Michela dwar l-imħabba kbira li skoprew meta marru Għawdex
Jgħidu li meta wieħed jitgħallem lingwa ġdida, din tiftaħlek bibien ġodda. Għal Emanuele Carloni, sid il-Maldorado Bistro fir-Rabat, Għawdex, kien proprju kors tal-lingwa Ingliża fl-IELS ta’ Għawdex li biddillu ħajtu għal dejjem – u mhux biss minħabba li beda jitkellem Ingliż aħjar.
Xi żmien ilu, Emanuele iddeċieda li kellu bżonn ftit żmien ’il bogħod mix-xogħol li kien jagħmel l-Italja. Għalhekk applika għal kors tal-Ingliż fl-IELS ta’ Għawdex, ippakkja l-bagalji u reħielha lejn il-gżira Mediterranja xemxija. Huwa qatt ma seta’ jimmaġina l-impatt li kien se jkollha din l-esperjenza, u wisq inqas Għawdex b’mod partikolari, fuqu u fuq il-ġejjieni tiegħu.
Fil-bidu, l-għarfien tiegħu tal-Ingliż kien limitat. Madankollu, permezz ta’ lezzjonijiet u interazzjoni ma’ studenti oħra fir-residenza tal-iskola, Emanuele malajr rabba l-kunfidenza biex jikkomunika u jibni rabtiet man-nies.
Minkejja dan, għal Emanuele Għawdex spiċċa fisser ħafna aktar minn sempliċiment post fejn jitgħallem l-Ingliż. Permezz tad-diversi mawriet bil-jeep u bid-dgħajsa kif ukoll attivitajiet oħrajn li torganizza l-iskola, Emanuele skopra l-gżira pittoreska u n-nies b’qalbhom tad-deheb tagħha.
“Mill-ewwel irbatt qalbi ma’ din il-gżira ċkejkna – il-paċi u l-kwiet huma uniċi. Inkredibbli kemm hawn postijiet sbieħ f’post daqstant żgħir,” jgħid Emanuele. Emanuele mill-ewwel inġibed lejn il-pajsaġġi, l-istorja u l-atmosfera ta’ Għawdex. “Kien żmien sabiħ ħafna u ma nistħix ngħid li meta tlaqt, bkejt.”
Filwaqt li għal bosta studenti l-esperjenza tispiċċa ladarba jtemmu l-kors, apparti l-bosta memorji sbieħ u l-ħbiberiji ġodda, għal Emanuele din kienet speċi ta’ bidu ta’ rabta emozzjonali qawwija ma’ Għawdex – kapitlu ġdid ta’ ħajtu.
Emanuele tant kien iħobbha lill-gżira li mar lura ħafna drabi sakemm fl-aħħar iddeċieda li jmur jgħix Għawdex. Kienet deċiżjoni li żgur qatt ma ddispjaċih li ħa.
Għall-bidu huwa ħadem bħala wejter f’diversi ristoranti, imbagħad bħala beach boy fil-bajjiet ta’ Kemmuna, ir-Ramla u San Blas. Fl-aħħar, Emanuele fetaħ il-Maldonado Bistro fil-qalba tal-kapitali tal-gżira. Dawk li jmorru r-ristorant, jafu tajjeb ħafna x’inhi l-ispeċjalità tar-ristorant – għaġin magħmul mir-ristorant innifsu. L-istabbiliment huwa mmexxi mill-familja - it-tfajla ta’ Emanuele, Michela, hija l-koka tar-ristorant. Fil-fatt, ir-riċetta tal-għaġin kienet ta’ nannitha. Għall-koppja Taljana, ir-ristorant huwa ħafna aktar minn negozju. Huwa passjoni, xi ħaġa li t-tnejn li huma daħlu għaliha b’ruħhom u ġisimhom. In-negozju tal-familja mhuwiex l-unika ħaġa li qed iżżomm lil Emanuele u Michela biżlin dan l-aħħar. Aktar kmieni din is-sena, il-ħajja tal-koppja kompliet tmur għall-aħjar bit-twelid ta’ binhom Filippo.
“Huwa impossibbli li niddeskrivu l-ferħ tagħna. Jien kburi bija nnifsi u bil-ħajja li bnejt, iżda nixtieq ukoll nirringrazzja lil Għawdex u lill-IELS!” jgħid Emanuele bi tbissima minn widna sa widna.