Valletta | Jum il-Vitorja u l-Belt Valletta

F'dan il-jum għażiż tal-festa tal-Vitorja Clifford Galea jagħti ħarsa lejn ir-rabta bejn dan il-jum għażiż u l-Belt Kapitali tagħna

Il-Vitorja...tfakkira ta' rebħa, ta' storja u ta' pajjiż.
Il-Vitorja...tfakkira ta' rebħa, ta' storja u ta' pajjiż.

Qed niċċelebraw festa doppja f’pajjiżna; il-Vitorja; imlaqqma hekk sa mir-rebħa tal-Assedju l-Kbir u anke r-rebħ tat-Tieni Gwerra Dinjija u ċ-ċelebrazzjoni l-oħra tkun it-twelid tal-Verġni Marija. Min ma jemminx, joħodha btala għal ġieħ pajjiżna grazzi għall-istorja. Dan kollu f’ġenb, ovvjament ir-rabta mal-kapitali teżisti bla dubju. L-ewwel minħabba din il-ġurnata, l-Ordni waslet biex taħseb fuq il-bini ta’ belt ġdida u propju l-ewwel ġebla tqiegħdet fil-post fejn inbniet knisja ddedikata lill-Vitorja.

De Valette kien il-mexxej tad-difiża ta' Malta fl-Assedju tal-1565 mit-Torok. L-Assedju dam b’kollox tliet xhur u l-forza tal-Ottomani kienet ħafna ikbar minn dik tal-Insara. L-Ottomani kellhom 'il fuq minn 30,000 suldat, fosthom il-Ġannizzeri, kif ukoll flotta ta' 193 frejgata. Fit-18 jew l-24 ta' Mejju, it-Torok assedjaw il-Forti Sant'Iermu li kienet difiża minn 130 kavallier li waqgħet fit-23 ta' Ġunju. Minkejja dan fit-8 ta' Settembru l-Insara rnexxielhom ikeċċu t-Torok u bis-saħħa ta' din ir-rebħa De Valette kiseb prestiġju kbir fl-Ewropa, imma rrifjuta l-offerta li jsir kardinal biex jibqa' indipendenti mill-Papa. Ħafna attribwew din ir-rifjuta għall-modestà u l-umiltà tiegħu bħala suldat reliġjuż. Filippu II ta' Spanja, biex jagħraf il-kuraġġ tiegħu bagħat stallet tad-deheb bil-kitba plus quam valor Valetta valet li jinsab fostna għall-wiri misluf mill-mużew popolari ta’ Louvre fi Franza grazzi għall-ħidma li twettqet bejn il-Gvern, Heritage Malta u entitajiet oħra. Fuq rebħa kbira jew żgħira, insibu bosta spekulazzjonijiet. Saħansitra anke Torok storiċi jgħidu li mhux veru kissirniehom kif niftaħru aħna. Il-fatt magħruf jibqa’ li ħafna barranin jafu b’din il-ġrajja u ilha mnaqqxa fina bħala poplu tista’ tgħid għal dejjem. Kważi jekk issaqsi persuna x’tiftakar mit-tagħlim tal-lezzjoni tal-istorja fiż-żminijiet tal-iskola, b’ħanġra ssemmilek; L-Assedju l-Kbir tal-1565. Bosta kienu l-kitbiet li nkitbu imma jeżistu dawk oriġinali anke ta’ żmien il-Kavallieri nfushom bħal Giacomo Bosio. Bosio kien awtur prinċipali tal-Ordni u ziju t’Antonio Bosio li kien antikwarju popolari f’pajjiżna. Bosio kiteb ukoll l-istorja tal-Ordni sal-1571 sakemm miet De Vallette. Din l-istorja tal-Ordni kompliet tinkiteb minn Bartolomeo del Pozzo sal-1688 u ġiet ippubblikata l-ewwel darba f’Verona fl-1703 f’żewġ volumi. Immaġinaw xi preġġju fihom dawn il-kitbiet. Immaġina l-persuna tikteb dak il-ħin kitba bil-linka li għadha magħna sal-lum u li tista’ tmissha u tgħid din ilha miktuba minn dak iż-żmien. Ġmiel ta’ sors primarju.

Inkomplu fuq id-dubju; jerġa’ jidħol id-dubju għaliex kif jiġri llum fil-politika (kulħadd ifaħħar l-istat tal-partit tiegħu jif jidhirlu hu anke jekk ma jkunx minnu), hemm min jgħid, li dawn l-awturi kienu wisq romantici u li jippruvaw jigglorifikaw dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ordni. Għalhekk id-dubju hu li r-rakkont miktub mhux mija fil-mija eżatt.

Il-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta
Il-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta

Il-Knisja tal-Vitorja, li tinsab maġenb Kastilja, hija l-eqdem binja tal-Belt Valletta u l-aħħar restawr fuqha tlesta fl-aħħar tal-2016. Din il-Knisja filwaqt li hi l-ewwel Knisja tal-Belt Valletta kienet l-ewwel post li fih indifen il-Gran Mastru tal-Assedju l-Kbir, Jean Parisot de Valette. Fl-aħħar intervent instab Bir meta nqala’ l-madum ta’ maġenb is-sagristija u li hu wieħed mill-iktar attrazzjonijiet interresanti tal-Knisja. X’aktarx li dan il-bir huwa l-ewwel wieħed fil-Belt Valletta.

Fost il-proġetti li saru fil-Knisja tal-Vitorja kien hemm:

•          Ir-restawr tal-pittura tas-saqaf tal-artist Alessio Erardi.

•          Ir-restawr tal-bċejjeċ tal-arti kollha li jinstabu fil-Knisja u l-kontenut storiku tagħha.

•          Ir-restawr tal-monumenti li jżejnu l-Knisja u l-artali.

•          Interpretazzjoni, gwidi, kotba u reklamar.

•          Sistema tal-elettriku ġdida li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

•          Għatu xieraq għall-kripta fejn indifen oriġinarjament il-Gran Mastru de Vallette.

•          Ir-Restawr fuq il-kaxxi tal-orgni.

•          Restawr fuq is-sagristija, u postijiet fejn jitpoġġew għall-wiri oġġetti li jintużaw fil-Knisja.

Din il-ġurnata baqgħet għażiża għalina l-poplu Malti, ejja nammettu, nemmnu jew ma nemmnux. Ħafna kienu dawk li ssuġġerrew li, li kieku għad ikollna festa nazzjonali waħda, it-8 ta’ Settembru għandu jkun il-jum magħżul anke minħabba l-fissazzjoni li għandna li l-festi l-oħra huma marbuta ma’ partit jew ieħor. Bħala Naxxari togħġobni l-idea żgur, imma l-punt ġenerali huwa li l-festa tal-Vitorja wkoll marbuta mal-Kapitali tagħna u mhux biss tigglorifika lilna bħala poplu imma wkoll lill-Belt Valletta li nbniet propju wara dak kollu li ġara. Minn issa awguri lilkom ilkoll u lill-Belt Kapitali tagħna li hija frott jum il-Vitorja.

 

More in Zekzik