25,000 persuna tieħu vantaġġ minn nollijiet attraenti lejn bliet Ewropej
Il-linja nazzjonali tal-ajru ttir lejn Londra, Amsterdam u Pariġi bi prezzijiet li jibdew minn €39
Għall-prezz attraenti ħafna ta' €39, dawk li jixtiequ vaganza qasira, jistgħu jżuru bliet Ewropej bħall-Londra, Pariġi u Amsterdam. Dan hekk kif il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta nediet l-iskema 'Go Light' b'biljetti li jibdew mill-prezz ta' €39 għal kull persuna li ssiefer b'hand luggage ta' 10Kg.
F'konferenza, indirizzata wkoll mill-Ministru Konrad Mizzi, kien żvelat kif s'issa diġa nbiegħu 25,000 biljett bin-noll 'Go Light'. "Rajna żieda ta' bejn 20% u 30% fl-attività ta' nies li jibbukkjaw mal-Airmalta," sostna il-Kap Kummerċjali tal-kumpanija Paul Sies, li tkellem ukoll dwar iż-żieda fir-rotot tal-linja nazzjonali tal-ajru. "Dan huwa kollu mod ta' kif inżidu d-dħul, imma huwa wkoll mod ta' kif nagħmlu il-linja nazzjonali tal-ajru l-għażla tan-nies. U nafu li jekk mogħtijin l-għażla, in-nies jagħżlu Air Malta. Imma rridu ninbidlu mad-dinja u rridu nkabbru in-numru ta' passiġġieri li jużaw l-Air Malta," sostna Sies.
Intant apparti li reġgħet fetħet id-destinazzjoni ta' Frankfurt u Manchester, li kienu tneħħew bħala parti mir-ristrutturar imma li kienu dejjem popolari, l-Air Malta ħabbret illi se tkun qed tiftaħ ukoll ir-rotta ta' Malaga, fi Spanja. Din se tkun l-ewwel darba li l-Airmalta terġa tibda ttir lejn Spanja, wara snin twal.