Rakkont | Dak kien!

Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

L-ewwel darba li ltqajt magħha, kont sirt inħobbha mill-ewwel.

Fior.

Kienet l-isbaħ mara li qatt kont rajt. Kellha dak kollu li xtaqt; figura perfetta, wiċċ ta’ anġlu u karattru taz-zokkor. X’ridt aktar minn hekk?

Kienet saret id-dinja tiegħi. Qabel, ftit li xejn kont nagħti kas romantiċiżmu. Jiena kont persuna kemmxejn riservat, kultant saħansitra xi ftit stramb.

Iżda minn meta kont iltqajt ma’ Fior, kont bdejt nixtri l-ħwejjeġ, nirranġa ruħi, neħodha tiekol fl-aqwa ristoranti u nixtrilha dak kollu li xtaqet qalbha.

U jien...

Jien kont naraha kuntenta miegħi.

Wara xi sentejn li konna ilna noħorġu ma’ xulxin u ninħabbu, mort f’ħanut tal-aqwa ġojjelli u xtrajtilha l-isbaħ ċurkett li laqat lil għajnejja. U biex inkun għidt kollox, lil buti wkoll. Skont sid il-ħanut, peress illi kien djamant ta’ veru, biċ-ċertifikat, xħin kont tħares lejh, kont tara ħafna kuluri assortiti jnemnmu u jitħalltu flimkien. Ippruvajt nara dawn il-kuluri, iżda jiena ftit li xejn kont nifhem. Kuluri ma rajtx. Imma xorta xtrajtu. L-importanti kien li lil Fior inżommha kuntenta. U tfajla bħal dik kien jixirqilha l-aqwa mod biex nitlobha tkun marti.

Malli staqsejtha biex tiżżewwiġni, għalkemm kelli qalbi tħabbat mija mija għax bżajt li tgħidli le, aċċettat bil-qalb. Mhux talli aċċettat, iżda talli tant qabdet fija li għal ftit ma qalbitnix lura mill-pożizzjoni li kont qiegħed fiha!

Iltqajt ma’ ommha u missierha. U mal-ewwel daqqa t’għajn, donnhom anke huma, ħadu grazzja miegħi.

Kultant kont nieqaf naħseb waħdi. U kont nammetti. Kont ferħan. Kont l-iżjed bniedem ferħan tad-dinja. Minn meta żżewwiġt lil imħabbti Fior, id-dinja kienet tidher iżjed ikkulurita, iżjed sabiħa. Forsi minħabba l-fatt li l-kuluri taċ-ċurkett kien beda jirrifletti fl-abbissi ta’ moħħi. Jew forsi għax Fior kienet il-mara ideali għalija.

Kont inħobbha tabilħaqq.

Mhux hekk biss, kont iffissat fuqha.

Peress illi jiena kelli xogħol tajjeb, dak ta’ perit, xtrajt għalqa kbira fit-tarf tar-raħal fejn kont pożittiv li kien hemm veduta li ssaħħrek, fejn kont ċert li kienet ser togħġobha. Għamilt pjanta u bnejt waħda mill-isbaħ djar li qatt eżistew f’Malta.

Forsi wieħed s’hawn jibda jgħid li ħajti kienet perfetta.

Iva, kienet.

Iżda ma tantx damet.

Mhux minħabba Fior. Miskina, Fior ma kellhiex ħtija. Dak li ġara, żgur ma kienx tort tagħha.

Bħal kull ġurnata oħra, dan il-jum mhux suppost kien partikolari.

Fior kienet qiegħda d-dar, tkewwes fil-kċina. Il-borma minestra li kienet tħobb tippreparali bil-ħaxix frisk kien diġà beda jfuħ. Kellha żaqq kemmxejn ikbar minn normal, minħabba l-fatt li kienet qiegħda tistenna tarbija. It-tarbija li dejjem xtaqna. It-tarbija tagħna.

Ħoss.

Fil-bidu, kull ma semgħet kien donnu ħoss ta’ tħarbix.

Waqfet.

Ittawlet mill-bieb tal-kċina iżda ma rat xejn.

Tgħid kien xi ġurdien? Tgħid kien xi insett?

Hawn, f’dawn l-inħawi, qrib il-kampanja, dawn l-affarijiet ma kinux insoliti.

Il-ħoss tal-borma tagħli, hi u tħawwad il-ħaxix li kien beda jsir aktar artab u jbiddel ftit il-kulur, donnu għarraq dak il-ħoss ta’ tħarbix li kienet semgħet.

Bla ma tat wisq kas, kompliet issajjar u tkanta minn taħt l-ilsien.

Ħoss ieħor.

Din id-darba waqfet issummata.

Kien aktar qawwi.

Aktar prominenti.

Għal mument, dawret ħarsitha madwar il-kamra, tfiet il-borma u reġgħet ittawlet lejn is-salott. Id-dar moderna u mdaqqsa fejn kienu jgħixu, donnha kienet qiegħda taħbilha xi ħaġa.

Fior bdiet tħoss li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha.

Kien hemm xi ħaġa mhux f’lokha.

Ħoss ieħor.

Qisu ħoss ta’ xi metall jaħbat ma’ xi ħaġa oħra.

Fior bdiet tħoss id-demm tiela’ għal rasha. Bdiet tisma’ qalbha tħabbat b’ritmu mgħaġġel. Bdiet tibża’.

Tgħid x’kien qed jiġri?

Dak x’kien?

Bla ma kellha ċans taħseb, ratu.

Dell.

Għaddej minn naħa għal oħra tal-kuritur.

Inħasdet.

Qalbha għamlet tikk.

“Min hemm?” staqsiet, tisma’ leħinha jirbombja f’dar li suppost kienet vojta.

Xejn.

Kwiet.

Donnu kollox kien normali.

Donnu ma kien hemm xejn ħażin.

Iżda mbagħad ħasset l-għadam ta’ idejha jiksaħ minn fejn kienet qiegħda, b’idejha mserrħin mal-ħajt, tittawwal b’par għajnejn kbar, imberrqin.

Mingħajr ma kellha ċans taħseb, f’ħakka t’għajn, rat persuna liebsa balaklava tittawwlilha mill-kuritur, tiġri lejha, taqbadha bis-saħħa, timbuttaha lejn il-ħajt u tagħtiha daqqa ġo rasha.

F’dawk il-ftit sekondi li damet f’sensiha, rat lil persuna tneħħi l-balaklava, ħassitha taqbadha minn spallejha u ssaqsiha fejn kienu l-flus.

Fil-bidu l-leħen ta’ din il-persuna kien ta’ bniedem normali iżda mbagħad donnu beda jitqal, jitħawwar mal-irkejjen ta’ moħħha u jintilef hemm.

Ħasset lil persuna l-oħra tneħħilha ħwejjiġha u timmolestaha. Kienet taf. Kienet taf li kienet qiegħda tiġi abbużata għaliex għalkemm ma setgħetx iċċaqlaq sew idejha u tgħolli għajnejha kif riedet, kienet qiegħda tħoss ħafna uġigħ. Uġigħ u taqligħ.

“It-tarbija...” bdiet tgħid bejn par xufftejn xotti, bojod bil-qatgħa li kienet għadha kemm ħadet bil-preżenza ta’ dan l-uman mostruż.

“Ħallini!” riedet tgħidlu, iżda leħinha ma setgħetx issibu u mbagħad bdiet tħossha donnha titbiegħed u titbiegħed iżjed mid-dinja.

Il-ħsejjes u l-uġigħ donnhom tbiegħdu u naqsu.

Naqsu sa’ xħin ma baqgħet tara xejn aktar.

Sa x’ħin kullimkien...

Kullimkien kien jidher id-dlam.

Dlam ċappa.

Skiet.

U kesħa kbira.

Donnha kienet għarwiena f’dimensjoni oħra. Dimensjoni bla kuluri.

Xħin jiena wasalt quddiem il-bieb tad-dar, indunajt li kien hemm xi ħaġa insolita.

Is-soltu, Fior dejjem kienet iżżomm il-bieb tad-dar magħluq.

Dejjem.

Iżda dakinhar...

Dakinhar, il-bieb tad-dar infetaħ eżatt malli missejt iċ-ċavetta miegħu. Kien miftuħ. Iva, kien miftuħ.

B’ħalqi miftuħ, ittawwalt ġewwa.

Fil-kuritur tal-entratura ma kien jidher xejn.

“Fior?” għajjatt b’leħen xi ftit għoli.

Skiet.

Ma smajt xejn.

“Fior?” erġajt għajjatt.

Tgħid kienet qiegħda tipprova tagħmilli xi ċajta? Jew forsi riedet tagħmilli xi sorpriża.

Iżda eżatt malli dħalt ġewwa u għalaqt il-bieb warajja, indunajt li kien hemm it-taqtir tad-demm mal-art. U twerwirt.

Emmnuni, dak li rajt dak il-ħin quddiem għajnejja dak il-ħin kexkixni għal ħajti kollha.

L-għażiża marti.

L-għażiża marti Fior.

Kienet hemm. Mixħuta mal-art f’għadira demm.

Għajnejha magħluqin.

Idejha miftuħin u mitluqin kif ġie ġie.

Inżilt lejha, qbadtha miegħi u tellajtha ’l fuq lejja. Għamilt widnejja ma’ sidirha u indunajt li qalbha kienet għadha qiegħda taħdem.

“Fior!” bdejt nibki, hekk kif bdejt inxengilha ftit forsi nara kif nagħmel ħalli tiġi f’tagħha.

Iżda Fior lanqas biss kellmitni.

Erfajtha.

Tlaqt niġri biha ’l barra.

“X’għamlulek għażiża tiegħi?” bdejt inhewden, hekk kif soqt kif stajt lejn l-isptar.

Xħin konna f’nofs triq, jien insuq ippanikjat fi triq mimlija traffiku ġġamjat, rajtha tiftaħ għajnejha bilmod u tħares lejja.

“Louis...” qaltli b’dak il-leħen melodjuż tagħha.

“Ħanini, daqt naslu l-isptar...”

“Nispera li ma tliftx it-tarbija!” bdiet tgħidli.

“X’ġara eżatt?” bdejt nistaqsiha.

Indunajt bil-mod ta’ kif kienet qiegħda tkellimni, li ma kinitx qiegħda ħażin ħafna. Irrakkuntatli dak kollu li kienet għaddiet minnu bejn theżżiż ta’ snien, bl-uġigħ li kienet qiegħda tħoss.

“Noqtlu... jekk inkun naf min... noqtlu!” għidtilha.

U kont nasal.

Iva, kont nasal. In-nervi li kelli għal dik il-persuna li kienet attakkat lil marti kien indeskrivabbli.

Xħin kont għaddej insuq, mitluf f’marti u fit-triq, rajtha żżebbeġ għajnejha lejn raġel liebes kollox iswed, li kien qiegħed bilwieqfa maġenb karozza qadima, donnu jħares fil-vojt lejn it-triq.

“Dak hu! Dak kien!” bdiet twerżaq marti, hekk kif bdiet tipponta subgħajha lejn it-triq.

Qalbi għamlet tikk.

“X’inti...?”

“Iva dak hu! Dak kien! Ir-raġel! Li daħal fuqi!” bdiet tgħajjat u taġita ruħha.

Bla ma ħsibtha darbtejn, waqqaft il-karozza, ħriġt għalih bil-ħadida li kont ħadt miegħi, ġrejt tul ta’ triq warajh, tajtu daqqtejn tajba u rajt li ma kienx għadu jieħu nifs. Biex inkun onest, qabel ħassejt għadmu jċaqċaq taħt idejja ma waqaftx nagħtih bil-ħadida!

Kont lest.

Kont lest li mmur għand il-pulizija u ngħidilhom b’kollox.

Iva. Kont lest li nagħmel hekk. Imbasta kulħadd jieħu dak li ħaqqu.

Ħadt nifs twil.

Sibt lil marti tistennieni fil-karozza b’għajnejha miftuħin beraħ.

“Pattejthielu,” għidtilha. “Qatt mhu ser jerġa’ jiġi tibżax!”

Bejn imbeżża’ u sodisfatt, komplejt inħaffef biha lejn l-isptar.

Eżatt malli ħaduha minn ħdejja, qabditli idi, għafsithieli, fetħet għajnejha mberrqin lejn it-tabib u minn taħt qaltli;

“Lou...dak kien!”

“Fior?” staqsejtha jien, imbellah għall-aħħar.

“It-tabib?”

Imbagħad ħarset lejn raġel ieħor li kien għaddej b’kumbinazzjoni fil-kuritur.

“Le, Lou...dak kien!”

Kien propju dak il-ħin, li ħassejt il-kuritur tal-isptar idur bija.

Kellhom jirrikoveraw lili wkoll.

More in Zekzik