“L-innu Malti hu ‘boring’ wisq biex jitkanta fl-iskejjel”
Waqt li għal xi skejjel l-innu Malti sar xi ħaġa monotona, Tenishia għamlu rikostruzzjoni tal-innu u issa jinsab fuq Youtube
Jidher li l-innu Malti qed jitlef l-importanza li xi darba kellu. Minn stħarriġ ċkejken li għamlet din il-gazzetta l-iskejjel li jkantawh kull filgħodu qed jonqsu. Hemm ħafna skejjel li kienu jkantawh kuljum iżda llum il-ġurnata jkantawh xi darba fil-ġimgħa jew f’xi okkażjoni partikolari biss. Waħda mir-raġunijiet li taw il-kapijiet tal-iskejjel kienet li “Naħseb li hu ‘boring’ biex it-tfal joqogħdu jkantawh kull filgħodu.”
Intant fil-programm Reporter ta’ nhar it-Tnejn li għadda mmexxi minn Saviour Balzan, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, li kienet il-mistiedna fil-programm, għamlet kumment imqanqal b’referenza għall-innu Malti.
Coleiro Preca rrakkuntat episodju riċenti fejn hi attendiet għal avveniment sportiv fejn Malta kienet qed tilgħab kontra pajjiż ieħor. Coleiro Preca qalet li waqt l-innu tal-pajjiż li kien qed jilgħab kontra Malta, il-plejers barranin kantaw b’ħeġġa kbira l-innu ta’ pajjiżhom iżda meta wasal il-ħin għall-innu Malti t-tim Malti baqa’ b’ħalqu magħluq, tant li qamet hi u bdiet tkanta. Iżda huwa minnu li aħna m’aħniex kburin bl-innu nazzjonali tagħna?
Riċentament id-duo DJ Maltin Tenishia għamlu rikostruzzjoni tal-innu Malti. M’użaw l-ebda beat fih, żammewh klassiku, iżda l-produzzjoni moderna tinstema’ iktar aġġornata maż-żminijiet.
Staqsejna lil Joven u Cyprian dwar x’kienet l-idea biex jagħmlu dan l-innu. “Oriġinarjament konna għamilnieh biex niftħu avveniment f’Malta fejn konna qed niċċelebraw l-ewwel darba li DJ Malti daħal fil-lista tal-aqwa mitt DJ fid-dinja. Għamilnieh bħala ringrazzjament lil dawk kollha li vvutawlna minn Malta u l-avveniment bdejnieh b’dan l-innu.”
Iżda kif jaġixxu l-Maltin meta jisimgħu l-innu tagħhom fi klabb jew diskoteka? “Ir-reazzjoni qabżitilna d-dmugħ minn għajnejna,” wieġbu Tenishia, “u bħalissa li qed nerġgħu niftakru bilkemm ma ngħidlekx li qabżet demgħa oħra.” L-emozzjoni kienet kbira u kulħadd infexx f’għajjat kbir. Ħadd ma stenna li għad jisimgħu l-innu Malti, b’dak il-mod, f’diskoteka.”
Din kienet l-unika darba li l-innu Malti ntuża fi klabb iżda n-nies baqgħu jistaqsu għalih u issa, wara tliet snin, Tenishia tellgħu l-vidjo fuq Youtube biex ikunu jistgħu jaqsmu din il-verżjoni tal-innu Malti ma’ kulħadd.
U rigward il-kumment tal-President Coleiro Preca, kemm huma vera patrijotti l-plejers Maltin? Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ tliet plejers li jilagħbu mat-tim nazzjonali tal-futbol u staqsihom jekk għandhomx xi ftehim bejniethom biex ma jkantawhx, u jekk wara kollox huma jafux il-kliem tal-innu Malti.
Ryan Fenech qal “Meta nkun mal-ewwel ħdax dejjem inkantah. Iżda importanti li naraw xi ħaġa oħra, l-innu ta’ pajjiżi oħra jindaqq kollu, tagħna jieqaf f’nofsu! Tad-daħk! Imma nsomma.”
Il-gowlkiper Justin Haber qal li hu dejjem ikantah iżda dejjem jibqa’ l-fatt li hemm uħud mill-plejers li ma jafux il-kliem tiegħu.
Andre Schembri qal li hu wkoll dejjem ikantah l-innu. Wera t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li kif qal Fenech, tindaqq biss l-ewwel strofa tal-innu. “Anke jekk tkun trid tkantah kollu, qas tista’ għax jieqaf wara nofsu. Apparti minn hekk, qas dawk li jkunu qed jaraw il-logħba ma jkunu jafu l-innu kultant, għax xi drabi jaqbdu jċapċpu mingħajr ma jkun għadu spiċċa!”