
[L-EWWEL PARTI] Films Dwar “Billy The Kid”
Fl-ewwel parti ta' din is-sensiela, Carmel Bonnici jħares lejn li jittrattaw it-tema tal-kriminal infami Billy the Kid
.png)
Wieħed mill-karattri li eżistew vera u għamlu isem fil-“Wild West” tal-Amerka tas-snin ta’ wara l-Gwerra Ċivili Amerikana kien il-famuż (jew infami) William H. Bonney jew Billy The Kid kif sar magħruf wara. Billy kien pistolero tal-Old West fil-ġlieda jew gwerra ta’ Lincoln County ta’ New Mexico u msemmi li qatel tmienja min-nies.
Il-films dwar dan il-bniedem maħrub mill-liġi (outlaw) huma ħafna, forsi aktar minn Jesse James, karattru ieħor komuni fil-Westerns. F’dan ir-rapport se niffoka fuq dawk l-aktar ta’ interess u nħalli barra l-gżuż li ħarġu fi żmien iċ-ċinema mutu u oħrajn wara ta’ ftit interess. Billy the Kid twieled bl-isem ta’ Henry McCarty fis-17 ta’ Settembru 1859 fi New York City. Missieru kien jismu Patrick u ommu Catherine Devine. Hu tgħammed wara 11-il ġurnata fil-Knisja ta’ San Pietru u kellu ħuh ieħor iżgħar minnu jismu Joseph li ħa l-kunjom tat-tieni raġel t’ommu, Joseph Antrim. Meta missieru miet, ommu u Joseph marru Indianapolis, Indiana fejn iltaqgħet ma’ William Henry Harrison Antrim. Hi flimkien ma’ Antrim u Joseph telqu lejn Kansas fl-1870 fejn Billy ingħaqad magħhom. F’Marzu 1873, f’Santa Fe, New Mexico, Catherine u Antrim iżżewġu, bl-aħwa Billy u Joseph ikunu x-xhieda. Sena wara marru Silver City ukoll f’New Mexico fejn Catherine mietet bit-tuberkolożi fis-16 ta’ Settembru 1874.
L-ewwel darba li Billy kien arrestat lejn l-aħħar tas-sena 1875 kien għax seraq xi ikel u ħames xhur wara għax seraq ħwejjeġ u armi. Jumejn wara ħarab mill-ħabs tat-territorju ta’ New Mexico u mar f’Arizona u b’hekk sar refuġjat u mfittex mil-liġi. F’Awwissu 1877 qatel lill-wieħed ħaddied wara argument. Minħabba f’hekk kellu jaħrab minn Arizona u reġa’ lura fi New Mexico fejn ingħaqad ma’ grupp ta’ ħallelin tal-merħliet. Meta nqalgħet dik magħrufa bħala l-gwerra ta’ Lincoln County, issieħeb mar-Regulators u sar kriminal imfittex fir-reġjun. F’dik is-sena stess beda jsejjaħ lilu nnifsu William H. Bonney.
F’April 1878 ir-Regulators qatlu tliet persuni inkluż William J. Brady, ix-xeriff ta’ Lincoln County u wieħed mill-assistenti tiegħu. Bonney u tnejn mir-Regulators ġew mixlija b’dan il-qtil. Il-fama ħażina tiegħu ġriet ma’ kullimkien f’Diċembru 1880 meta l-Las Vegas Gazette ta’ Las Vegas, New Mexico u The New York Times xandru stejjer dwar ir-reati tiegħu. Lejn l-aħħar tal-istess xahar inqabad mix-Xeriff Pat Garrett, għadda ġuri u qatgħuhielu għall-mewt minħabba l-qtil tax-Xeriff Brady. Bonney reġa’ ħarab mill-ħabs fit-28 t’April 1881, xi ġimagħtejn biss qabel jingħata l-forka, u waqt dan il-proċess qatel żewġ assistenti tax-Xeriff. Għal xahrejn sħaħ irnexxielu jevita li jinqabad. Fl-aħħar, Garrett sparalu u qatlu fil-belt ta’ Fort Sumner nhar l-14 ta’ Lulju 1881. Il-leġġendi dwaru nibtu sew fis-snin ta’ wara li hu ma mietx dak il-lejl u diversi nies ippużaw tiegħu. Kellu biss 21 sena.
Billy the Kid fil-Films
Dan il-pistolero storiku u qattiel tal-Wild West spiss fil-films urewh bħala xi eroj. Karattru favorit fi żmien iċ-ċinema mutu, deher ukoll bosta drabi f’numru kbir ta’ Westerns mitkellma. Johnny Mack Brown għamel il-parti tiegħu fuq il-liżar il-kbir f’Billy the Kid (1930), il-wisq popolari Roy Rogers li dejjem ħadem tat-tajjeb ukoll interpretah f’Billy the Kid Returns (1939). Fis-sena 1940 kien Robert Taylor li ħadem din il-parti f’titlu ieħor ta’ Billy The Kid. Fl-1943 wasal il-kontroversjali (għal dak iż-żmien), The Outlaw bi tmiem ferrieħi għal Jack Beutel bħala Billy u Jane Russell bi flokkijiet issikkati magħha li ppuntaw ’il barra lil sidirha u li dan kien ta’ wġigħ ta’ ras għaċ-ċensuri. Kien imiss issa lil Audie Murphy li fl-1949 interpretah f’The Kid From Texas. Fl-1950 ħareġ I Shot Billy The Kid bl-attur Don Barry u Scott Brady fl-1954 kien dan il-kriminal f’The Law vs Billy The Kid. Anthony Dexter issa wkoll interpretah fl-1955 f’The Parson And The Outlaw. Fl-1956 ħareġ The Left-Handed Gun bl-attur Paul Newman li kien film ta’ livell ogħla minn dawn kollha u ta’ baġit konsiderevoli.