B’Salibek

Dramm tal-Passjoni fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatrici ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun se jkun qed iwassal mill-ġdid dramm oriġinali u tradizzjonali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Fil-fatt din hija l-ħdax-il sena li dan qed jittella’, fejn minn sena għall-oħra, id-dramm dejjem jiġbed lejh ammont sabiħ ta’ nies, tant li jkollhom l-opportunità li jaraw xogħol b’kitba u kast mill-aqwa, fuq sfond Barokk tal-Knisja ta’ San Gejtanu u fuq kollox f’nofs triq li hija tradizzjonalment magħrufa għat-traffiku. 

B’Salibek, dramm fuq kitba ta’ James Sultana u direzzjoni ta’ Tanya Agius Borg, se jkun qed jurina s-saram li għaddejja minnu familja, fejn wieħed minn uliedha jkun marid bl-ebda tama ta’ fejqan. Jidher iżda li l-uniku raġġ ta’ dawl għal dan it-tifel huwa ċertu bniedem mill-Galilija. Minn hemm jibda vjaġġ twil, biex Xmun jitlaq minn Ċirene għall-Galilija. 

Il-Galilija, il-kbarat tal-Lhud qed jaraw kif se jaslu għand Ġesù ta’ Nazzaret wara li bi kliemu qed jiġbed ammont kbir ta’ nies lejh. Għalihom hu kien ta’ theddida, u għalhekk riedu jaslu għalih mill-aktar fis. Ġuda kien il-persuna addattata. Mal-bewsa fil-ġnien tal-Ġetsemani, Ġesù beda l-aħħar waqtiet tiegħu. Ikkundannat quddiem is-Sinedriju, imżeblaħ quddiem Erodi, ifflaġellat fuq ordni ta’ Pilatu, u kkundannat għall-mewt fuq is-salib mill-poplu. 
Iżda kellu jkun il-waqt li fih kien mgħobbi bis-salib, meta Xmun minn Ċirene irnexxielu jiltaqa’ miegħu. Kien f’dan il-waqt li Ġesu qallu “Din l-għajnuna li qed ittini se rroddhielek lura. Int neħħejtli salibi minn fuq spallti u għentni nġorru. Jien se nneħħilek tiegħek.” 

Dan id-dramm tal-passjoni fil-Ħamrun se jkun qed joffri xalata ta’ emozzjonijiet imwassla b’atturi mill-aqwa, bi produzzjoni tal-ogħla livell. Fost l-atturi prinċipali nsibu lil Thomas Agius fil-parti ta’ Ġesù u Victor Vella fil-parti ta’ Xmun iċ-Ċirinew, flimkien mal-atturi Stephanie Grech Mallia, Marie Clare Sammut, Hilary Desira, Kurt Harmsworth, Anthony Cini, Francine Borg, Henry Zammit Cordina, Nadia Borg, Klinsmann Spiteri, Gilbert Rene Scerri Gill, Damian Azzopardi, Kimberly Ancilleri, Aleandro Bartolo u Michael John Rutzen, flimkien ma’ ammont sabiħ ta’ atturi oħra li se jkomplu jsebbħu z-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu. Għal sen’oħra din il-produzzjoni qed issir bl-għajnuna sħiħa tal-Arċipriet tal-Ħamrun, Dun Walter Cauchi.  

Id-dramm B’Salibek se jsir nhar is-Sibt 12 ta’ April 2025, fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu fit-8.30 pm (wara l-quddiesa tas-7.30 pm). Wieħed jista’ jirriserva postu billi jasal wasla sal-Kunsill Lokali fil-ħinijiet tal-uffiċċju fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh billi jċempel fuq 21222020, jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, jew jibgħat email fuq [email protected].  

Dan id-dramm huwa produzzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, bil-kollaborazzjoni ta’ SEVEN8 Creative Troupe, u bis-sapport tar-Reġjun Nofsinhar. 

More in Divertiment