Il-Komunita Melliħija b'diversi inizjattivi b'risq il-Malta Comm. Chest fund
Iljieli Melliħin 2015
Għal sena oħra l-komunità Melleħija se tkun qegħda tingħaqad sabiex taħt il-kappa tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex ikunu organizzati l-Iljieli Melleħin. Dawn l-erbat iljieli fil-Mellieħa issa saru sinonimi mal-kalendarju annwali kulturali, u jkunu ferm mistennija kemm mill-Maltin u kif ukoll mit-turisti li jkun hawn f’dan il-perjodu. Din l-attività ewlenija se tkun organizzata mit-30 ta’ Lulju 2015 sat-2 t’Awwissu 2015 u qegħda tittella’ bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentati għall-Gvern Lokali.
Il-Ħamis 30 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qiegħed jiċċelebra Jum il-Kunsill. Din il-lejla se tkun iċċelebrata taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, u se tittella’ fil-Bitħa tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa. Matul din l-attività se jinbiegħu 6 pitturi ta’ 6 artisti Melleħin, li parti mid-dħul tagħhom se jmur għall-Malta Community Chest Fund. Dawn il-pitturi se jinbiegħu waqt irkant sieket li se jittella’ apposta matul din il-lejla. Waqt l-istess attività se jinġieb stilista tax-xagħar Taljan fejn min irid se jkun jista’ jaqta’ xagħru sabiex jingħata lill-Malta Community Chest Fund.
Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju l-Kunsill Lokali ħaseb sabiex jorganizza kunċert ta’ mużika tas-snin 80 u 90 bis-sehem ta’ DJ Max, il-Paul Abela Band bil-parteċipazzjoni tal-kantanti Jasmine, Georgina Abela, Olivia Lewis u Destiny Chukunyere. Jagħlaq is-serata DJ Pierre Cordina. Matul din il-lejla se jinġabru donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund.
Is-Sibt l-1 t’Awwissu, fil-Pjazza tal-Paroċċa, il-Kok Andrew Farrugia bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Mużikali Imperial se jkunu qed jippreparaw Apple Strudel Għal sena oħra se jkun hemm numru rekord ta’ artisti li se jkunu qegħdin ipinġu u jesebixxu x-xogħol tagħhom fil-Bitħa tas-Santwarju. Fl-istess Bitħa tas-Santwarju se tittella’ esebizzjoni li d-dħul minnha se jmur għall-Malta Community Chest Fund.
Is-Sibt 1 u l-Ħadd 2 t’Awwissu it-toroq prinċipali u l-pjazez tal-Mellieħa se jkunu magħluqa għat-traffiku. Matul dawn iż-żewġt iljieli se tispikka varjetà ta’ arti, mużika, kultura, sports u ikel. Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-aqwa kantanti lokali u kif ukoll diversi animazzjonijiet għat-tfal, imqassma fuq tliet palkijiet differenti, u kif ukoll diversi forom ta’ arti mqassma mat-toroq ewlenin tal-Mellieħa. Attrazzjonijiet oħra jinkludu artisti u mużiċisti lokali u kif ukoll animazzjoni għat-tfal.
Għal dawk kollha li jħobbu l-karozzi, fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm wirjiet ta’ karozzi statiċi, drifting u off-roading. Il-wirja statika se jkollha karozzi Maltin u kif ukoll karozzi barranin. Se jkun hemm ukoll sezzjoni għal trakkijiet antiki u kif ukoll karozzi tal-linja Maltin antiki. Mill-banda l-oħra, se jinħolqu tliet xenarji kontrollati fejn se jittellgħu wirjiet tal-off-roading, hillclimb u tad-drifting. Sewwieqa professjonali se jkunu qegħdin jieħdu sehem bil-vetturi tagħhom sabiex ipaxxu lil dawk kollha preżenti.
Mhux hekk biss, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, li għandu iktar minn elfejn sena, se jkun miftuħ għall-pubbliku, fejn anke se jkunu għaddejjin kunċerti korali f’dan l-ambjent. Għal dawk li jinteressahom żmien il-Gwerra, se jkunu jistgħu iżuru x-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn anke se jkun hemm gwidi apposta għall-pubbliku. Se tittella’ wkoll esebizzjoni ta’ vetturi u armamenti ta’ żmien il-Gwerra.
Għal kull min japprezza l-ikel se jkollhom xalata u varjetà ta’ ikel, fejn it-toroq prinċipali tal-Mellieħa se jkunu armati bl-imwejjed u siġġijiet attrezzati apposta al fresco sabiex wieħed japprezza l-ikel bnin ipprovdut mill-aqwa restoranti li jinsabu fil-Mellieħa.