Milan: Mhux id-Duomo u San Siro biss
In-Navigli, fejn hemm night life, shopping, kanali u l-happy hour
Ħafna huma l-Maltin li żaru Milan, iżda niggarantilkom li ftit minnkom dortu Milan fid-dettal. Għax kull min iżur Milan imur Piazza Duomo, il-Galleria, ħwienet tal-moda u forsi forsi Palazzi Sforzesco u t-Teatro Alla Scala. Id-dilettanti tal-futbol żgur li jmorru f’din il-belt biex imorru sa San Siro jew il-Meazza, li hu meqjus bħala l-grawnd kapitali tad-dinja tal-futbol fejn iż-żewġ timijiet rivali ta’ xulxin, Inter u Milan jaqsmu l-aktar ammont ta’ unuri mirbuħa fid-dinja tal-futbol. Iżda Milan u ftit lil hinn minnha toffri ħafna iżjed minn hekk.
Id-Duomo jiddomina l-belt Kapitali tal-Lombardija. Fuqu tispikka l-istatwa dehbija tal-Madonnina li tinsab fuq il-5,000 statwa li hu mdawwar bih dan il-kapulavur arkitettoniku maestuż. Il-Galleria ta’ Milan hi wkoll splendur ieħor tal-arkitettura mimli bi ħwienet tad-disinjaturi tal-moda. Kif toħroġ mill-Galleria, fuq in-naħa ta’ wara jitfaċċa t-teatru famuż mad-dinja kollha Alla Scala li hu l-ħolma ta’ kull dilettant tal-opri li xi darba jkun preżenti għal waħda mill-opri li l-istaġun tagħhom jibda f’Ottubru.
Huma ħafna li jfallu li jimxu mixja twila matul Via Dante li twasslek sa Castello Sforzesco. Triq li ma tiddejjaqx timxiha għax matulha hemm diversi ħwienet tal-ħwejjeġ u ristoranti li kollha jiffittawk biex tidħol tiekol għandhom. Jiżbaljaw dawk li jaslu sal-Palazzo Sforzesco u ma jidħlux fil-mużew grandjuż u l-esebizzjonijiet tal-arti li hemm f’dan il-palazz u li għalihom tħallas ċuċata, madwar €3. Hemmhekk wieħed jiltaqa’ mill-viċin mal-aħħar kapulavur mhux komplut ta’ Michalengelo, il-Pieta Rondanini. Niggarantilkom li kif tintasbu quddiem din l-arti tal-maestro Bonaroti, iżżommok affaxinat quddiemha.
Ftit metri bogħod mill-kastell, hemm iż-Zona Brera, żona frekwentata min-nies elitisti ta’ Milan. Mimli b’ristoranti skwiżiti fejn wieħed jista’ jippranza waqt li l-ħwienet ikunu magħluqa fis-siesta, jew inkella tmur għal xi ċena romantika filgħaxija. Jien niftakar li ċċelebrajt għeluq is-56 sena tiegħi fejn kelli esperjenza kulinarja eċċezzjonali meta waitress Ċiniża servietni te bil-ħalib u lumi flimkien!
F’parti minn din iż-żona, li tista’ tasal għaliha anke bil-metro, hemm żewġ knejjes faċċata ta’ xulxin, Santa Maria delle Grazie u Sant’Ambrogio. Knisja sabiħa mibnija mill-istess patrun ta’ Milan, Sant Ambroġju u hi waħda mill-aktar knejjes antiki f’Milan. Meta tidħol f’din il-knisja, tinsa l-ħajja vibranti tal-madwar u tidħol f’era Romaneska mis-sena 379, ferm differenti mill-ħajja li teżisti barra l-bieb ta’ din il-knisja.
Il-Kanali ta’ Milan u l-‘Happy Hour’
Post ieħor li l-maġġoranza ta’ min iżur Milan lanqas biss jaf li jeżisti huma n-Navigli. Li ma kinitx għal partner tiegħi li hi nofsha Taljana, lanqas biss kont naf li f’Milan jeżisti kanal li jaqsam żewġ toroq mimlija bars u ristoranti li jkunu mimlija daqs bajda. Din il-parti hi msemmija għall-Happy Hour jew kif jgħidulu hemm, Aperitivo, tradizzjoni li bdiet f’Milan fis-snin tmenin li mas-6 ta’ filgħaxija, eżatt wara x-xogħol jiltaqgħu f’wieħed mill-bars f’din iż-żona u b’madwar €7 jibdew jieklu kull tip ta’ appetizer ippreparat mis-sidien tal-bars bħal pasta salads, prieżet, salami, rice salads, ħelu, pizza u żebbuġ imlaħalħin b’cocktail bil-Campari u tazza inbid bajda. F’Milan dawn il-happy hour bars issibhom l-aktar fi Triq Como, Corso Sempione u n-Navigli. Dak li suppost idum sejjer siegħa, itawwal anke sa tlieta u anke erba’ sigħat. Jekk iżżur Milan, ħu ħsieb li għal xis-6 pm tmur in-Navigli fejn biex tasal hemm taqbad il-metro u tieqaf Porta Genoa, xi tliet waqfiet wara l-knisja ta’ Sant’Ambrogio u miż-Zona Brera.
Jekk tmorru n-Navigli s-Sibt filgħodu, barra li tistgħu anke tieħdu dawra fuq vapuretti li jdawruk mal-kanali ta’ Milan, ikun hemm suq enormi li hu mmirat għall-poplu Milaniż u mhux għat-turisti fejn ħafna mill-prodotti huma ta’ disinjaturi li joħorġu x-xogħol tagħhom bħala kampjun biex jaraw ikomplux jipproduċu minnhom. Hemm wieħed jista’ jakkwista flokk jew handbag ta’ Dolce Gabbana bi prezzijiet tas-suq u ma jkunx kopja, iżda oriġinali.
Shopping
Milan hi meqjusa bħala l-belt kapitali tal-moda fl-Ewropa. Hi d-dar tal-aqwa disinjaturi tal-moda, iżda fiha ssib anke ħwienet tal-moda li mhumiex tad-disinjaturi biss.
Jekk qed tippjana li tagħmel xirja tajba minn Milan, ippjana sew għax il-Ħadd ikunu magħluqa u normalment anke t-Tnejn filgħodu. It-toroq jew żoni għax-shopping huma:
Quadrilatero D’Oro, kwartieri msejjaħ bħala r-rettangolu tad-deheb. Żona magħmula minn erba’ toroq ta’ ħwienet tal-moda. Morru sa Via Montenapoleone, għal Via della Spiga, Via Manzoni u Via San Andrea bl-aqwa ditti famużi bħal Armani, Prada, Versace u Cavalli.
Il-galleria Vittorio Emanuele li hi l-aktar shopping mall antik fid-dinja li kien inbena fl-1865. Jekk il-ħwienet tarahom li mhumiex għal butek, mur ħu espresso tajjeb f’din il-galleria irħamata.
Madwar id-Duomo hu ppakkjat b’ċentri kummerċjali bir-Rinascente l-aktar popolari, fejn nagħtikom parir li titilgħu sal-ogħla sular tiegħu u tieħdu kafè u pasta bnina meta tkunu biswit is-saqaf tad-Duomo, xena spettakolari ta’ dan il-Katidral maestuż li anke tista’ titla fuqu b’lift li tħallas għalih. Fl-ogħla sular tar-Rinascente, ma tħallas xejn.
Id-distrett Brera li hu mimli b’galleriji tal-arti wkoll joffri moda ‘Made in Italy’
In-navigli, barra n-night life u l-happy hour hi wkoll mdewda bi ħwienet tajbin tal-moda speċjalment ħdejn Porta Genova.
Imbagħad Corso Buenos Aires hi l-aktar mfittxija għax hi l-‘high street’ prinċipali tal-belt ta’ Milan fejn matulha hemm madwar 350 ħanut ta’ kull tip.
Barra minn dan, wieħed jista jżur (jekk jibbukkja qabel online) il-pittura ta’ L-Aħħar Ċena ta’ Leonardo da Vinci.
Kif tasal
Hemm żewġ modi kif wieħed jista jmur Milan. Jew bir-Ryan Air li tieħdok sa Bergamo, ftit kilometri bogħod, fejn hemm shuttle buses li jeħduk fiċ-ċentru ta’ Milan. Inkella bl-Air Malta dirett għal Linate jew Malpensa, li wkoll għandek xi kilometri li trid tagħmilhom bix-shuttle bus.
Lil hinn minn MIlan
Barra li tgawdi l-belt maestuża ta’ Milan, wieħed jista’ faċilment imur bi tren inkella bit-trasport pubbliku lejn Como u anke l-Iżvizzera, fejn Lugano hu madwar 45 minuta bogħod. Dan barra li wieħed jista jżur il-pre Alpi li jfisser li l-muntanji mhux bogħod biex tasal għalihom. L-istazzjon tat-tren li hu maestuż ukoll minn ta’ żmien Mussolini, jista’ jwasslek kull fejn trid fl-Ewropa.