Il-Milied mal-kor ‘The New Choral Singers’
Għal dan il-kunċert, il-kor ser jingħaqad mal-Kor Santa Ċeċilja tal-Paroċċa tas-Siġġiewi li flimkien se jkantaw taħt it-tmexxija tas-Surmast Mauro Farrugia filwaqt illi se jkunu akkumpanjati minn Mark Vassallo fuq l-orgni

Ejjew ingħaqdu flimkien mal-kor The New Choral Singers f’atmosfera ta’ kant tal-Milied għall-kunċert annwali ‘Musical Tidings’, nhar il-Hamis 12 ta’ Diċembru 2024 fis-7:30 pm fil-Knisja ta’ San Nikola, is-Siġġiewi, u l-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2024 fis-6:30 pm fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, Malta.
Għal dan il-kunċert, il-kor ser jingħaqad mal-Kor Santa Ċeċilja tal-Paroċċa tas-Siġġiewi li flimkien se jkantaw taħt it-tmexxija tas-Surmast Mauro Farrugia filwaqt illi se jkunu akkumpanjati minn Mark Vassallo fuq l-orgni.

Għal din il-lejla tant mistennija, il-kor ipprepara repertorju b’għażla varjata ta’ Għanjiet tal-Milied għal gosti ta’ kulħadd. Fosthom ‘O Holy night’ u ‘Il-Benniena tal-Bambin Ġesù’, għanjiet miktuba minn kompożituri kontemporanji, kif ukoll siltiet klassiċi ta’ żminijiet oħrajn fosthom mis-seklu sittax. Nistednukom tingħaqdu magħna u tkantaw għanjiet tradizzjonali matul il-kunċert filwaqt li tisimgħu d-daqq sabiħ ta’ dan l-istaġun tant mistenni.
Filwaqt li d-dħul għall-kunċerti huwa b’xejn, fi tmiem il-programm se ssir ġabra.
Aktar informazzjoni tinstab fuq is-sit elettroniku tal-kor www.thenewchoralsingers.com