
L-aħħar preparamenti għall-Festival Mużika Mużika 2025
"Grazzi għad-dedikazzjoni bla waqfien tal-artisti u l-organizzaturi ta' dan il-festival prestiġjuż, għall-ħames sena se jerġa' jiċċelebra ilsien twelidna permezz ta' 16-il kanzunetta oriġinali bil-Malti"

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar l-aħħar preparamenti u provi tal-festival Mużika Mużika fejn iltaqa' ma’ diversi kantanti, awturi, kompożituri u l-organizzaturi.
Il-ministru spjega kif dan il-festival kulma jmur qed ikun ta' suċċess u huwa mistenni ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin. “Grazzi għad-dedikazzjoni bla waqfien tal-artisti u l-organizzaturi ta' dan il-festival prestiġjuż, għall-ħames sena se jerġa' jiċċelebra ilsien twelidna permezz ta' 16-il kanzunetta oriġinali bil-Malti. Dan fih innifsu hu legat importanti li qed ikompli jissaħħaħ,” qal il-Ministru Owen Bonnici.
Iċ-Chairman ta' Festivals Malta Aaron Zahra, faħħar il-livell tal-produzzjoni li ta’ kull sena qed tilħaq aspettativi ġodda. “Nirringrazzja lit-tim ta’ Festivals Malta kollu tax-xogħol tagħhom, lit-tekniċi, lit-tim tal-produzzjoni, lill-artisti kollha nvoluti u lil dawk kollha li huma parti mix-xogħol estensiv ta’ Mużika Mużika. Ilkoll ħerqana biex nagħtu bidu għal dan l-ispettaklu li jiċċelebra l-mużika Maltija fl-aqwa tagħha,” temm jgħid is-Sur Zahra.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius qal, “Il-preparamenti issa waslu fil-qofol tagħhom. It-tim tal-produzzjoni qed jaħdem bi ħġaru biex bħal kull sena noffru spettaklu mill-aqwa. Nawguraw lill-kantanti kollha kull suċċess.”
Illum, il-Ħamis 27 ta' Marzu se tittella’ l-ewwel serata fejn is-16-il kanzunetta ser jinstemgħu għall-ewwel darba live fuq il-palk fl-MFCC Ta' Qali u fuq TVM fid-9pm. Il-Ġimgħa se jkun hemm is-Serata tal-Klassiċi li se tinkludi bosta artisti stabbiliti Maltin li se jkantaw kanzunetti popolari passati. Is-Sibt 29 ta’ Marzu, se jerġgħu jikkompetu s-16-il finalist, bi prestazzjoni mill-mistiedna speċjali ta' din is-sena – ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet Maxine Pace u l-grupp internazzjonali The Tenors.