A Place That Fades – Wirja ta’ Giola Cassar

“Il-wirja tesplora t-telfa bil-mod il-mod ta’ dawn l-ispazji, filwaqt li ġġegħelna nistaqsu lilna nfusna x’jifdal meta postijiet bħal dawn jintilfu f’isem l-urbanizzazzjoni u l-privatizzazzjoni.”

A Place That Fades, ta’ Giola Cassar u kkurarata minn Elyse Tonna, tesplora l-għejbien ta’ ġonna urbani lokali, kif ukoll l-impatt kulturali, psikoloġiku u ekoloġiku tan-nuqqas tagħhom. Permezz tal-enfasi fuq il-proċess, il-wirja tesplora t-telfa bil-mod il-mod ta’ dawn l-ispazji, filwaqt li ġġegħelna nistaqsu lilna nfusna x’jifdal meta postijiet ta’ kenn u ta’ koabitazzjoni ta’ diversi speċi, jintilfu f’isem l-urbanizzazzjoni u l-privatizzazzjoni.  

Għal dawn l-aħħar xhur, Cassar kisbet aċċess għall-ġonna privati, ħadet nota tal-weraq li waqgħu u ġabret arkivju li jagħti vuċi lin-natura – lil dak li mhux bniedem. Dan l-att li jinnota fdalijiet tan-natura li ħafna drabi ninsewhom, jimmarka l-għejbien sieket ta’ spazji naturali. Fl-istess ħin jisħaq fuq il-bilanċ bejn il-preżenza u n-nuqqas, ir-reżiljenza u d-diżintegrazzjoni. Billi taqta’ dawn il-frammenti għalihom, teżamina dawn il-ġonna, mhux bħala pajsaġġi kkultivati biss, imma anke bħala spazji effimeri li jieħdu forma permezz taċ-ċikli taż-żmien, il-memorja u n-nisġa ekoloġika.  

Sadanittant, it-tkabbir urban jibqa’ għaddej u jagħti xejra oħra lill-ambjent. B’hekk, spazji li xi darba kienu jindukraw lill-bniedem u lill-ambjent, qed isiru dejjem inqas aċċessibbli. ‘A Place That Fades’ tesplora t-tensjonijiet bejn dak li hu dejjiemi u dak li mhuwiex, u bejn dak li jidher u dak li jgħib. Ix-xogħol jistieden lill-udjenza tirrifletti fuq kif il-ġonna – kemm reali u kemm dawk li issa jgħixu biss fil-memorja – jissieltu mal-limiti, u minkejja li jisparixxu mill-pajsaġġi urbani, xorta waħda jibqgħu jippersistu fil-memorji personali u kollettivi.  

Filwaqt li tesplora temi li mhux dejjiema, li huma frammentati u ta’ tranżizzjoni ekoloġika, ix-xogħol ta’ Cassar jikseb għarfien fuq in-nuqqas ta’ stabbiltà ta’ dawn l-ispazji billi tintraċċa l-fdalijiet sottili li qed jgħibu. Il-wirja ma tiddokumentax sempliċement it-telfa, imma tqajjem kuxjenza fuq kif aħna nirrelataw ma’ spazji li qed jisparixxu – dak li niftakru, dak li tħassar mill-memorja, u dak li nistgħu nerġgħu niksbu lura. 

Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-5 ta’ April 2025 f’MUŻA – il-Mużew tal-Arti Komunitarju, fil-Belt Valletta. L-avveniment tal-ftuħ se jittella’ nhar l-4 ta’ April 2025 (6 pm – 8 pm). 

More in Divertiment