Copenhagen: Ċkejkna fid-daqs kbira fil-ħajja u kultura

Vjaġġi mal-Bużu

Dehra tal-kanali minn fuq canal cruise
Dehra tal-kanali minn fuq canal cruise

 

Kbira biżżejjed biex tkun metropoli bix-shopping, kultura u nightlife ‘par excellence’ filwaqt li hi żgħira biżżejjed biex tkun intima, sigur u faċli li ddurha. Din hi l-kapitali tad-Danimarka b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun. Belt li tilqgħek, belt li fiha tħossok sigur, belt li l-poplu tagħha kważi dejjem bi tbissima. Belt li tista’ ddurha b’diversi modi, fejn jien għażilt li ndurha b’saqajja, għax nemmen li meta żżur belt bil-mixi, issir tafha iżjed. Iżda xorta hemm diversi mezzi oħra kif wieħed jista’ jdur dawra ma’ Copenhagen.

Bla dubju li l-aktar xena li tilqtok hi l-pont enormi li jgħaqqad lid-Danimarka mal-Iżvezja. Iżda d-Danimarka hi fejn il-ħrejjef jiġu minsuġa mal-arkitettura moderna b’disinn tal-ogħla kwalità, fejn il-mużika jazz titħallat mal-mużika elettronika fil-kantini ta’ diversi clubs fejn il-ħajja ta’ bil-lejl l-aktar li tiżvolġi.

Jekk taħseb li f’ġurnata irnexxielek tara Copenhagen kollha, għandek żball għax Copenhagen fiha ħafna aktar x’tiskopri minn dak li joffrulek is-siti turistiċi.

Copenhagen għandha dehra unika bil-kafetteriji mimlija ħajja, nightlife mill-aqwa, kanali galore u binjiet kollha kuluri. Hi waħda mill-aktar bliet imfittxija fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Ta’ min ikun jaf li l-ħajja ta’ bil-lejl fid-Danimarka m’għadhiex biss il-Ġimgħa u s-Sibt, iżda ġiet estiża anke għal nofs il-ġimgħa fejn il-bars u l-kafetteriji huma mimlija attività. Hi belt storika, reali mimlija bini storiku, xi knisja, ġonna, pjazez, toroq pavimentati u fetħiet mimlija ħdura.

Copnehagen hi ffurmata minn diversi distretti li huma:

Indre: Il-parti medjevali fil-qalba storika tal-belt b’bini storiku, toroq dojoq u shopping eċċellenti

Christianshavn: kienet magħrufa bħala ż-żona tal-klassi tal-ħaddiema madwar 300 sena ilu illum hi ż-żona magħrufa għall-kanali tagħha.

Vesterbro: post li evolva bħala post fejn hemm il-ħajja, mimlija kafetteriji u bars.

Frederiksberg: belt ċkejkna madwar il-kastell li jġib l-istess isem. Hi belt priservata u fiha jgħixu s-soċjetà għolja.

Narrebro: L-aktar parti ħajja u vibranti fejn hemm taħlita ta’ immigranti, studenti u nies li ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema.

Osterbro: Fuq in-naħa ta’ fuq tal-belt, kwieta u hi fejn wieħed isib l-istatwa tal-Little Mermaid u fejn wieħed isib diversi mollijiet fejn jitrakkaw id-dgħajjes u anke l-cruise ships

Amager: Din hi gżira fejn fuqha hemm l-ajruport Kastrup

 

 

 

 

 

Tista’ tesperjenza Copenhagen bil-mixi, mill-kanali u bil-hop on hop off

Hemm tunnellata ta’ modi kif tista’ tgawdi din il-belt jew aħjar tesperjenza din il-belt: timxi, issuq, minn fuq il-kanali bil-canal cruises, bir-rota u billi ddur ir-ristoranti tagħha.

·       Jekk titħajjar tagħmel mixja ma’ gwida lokali f’waħda mill-mixjiet bl-istejjer tipiċi tagħhom, titgħallem ħafna iżjed milli jekk timxiha waħdek. Wieħed isib passiġġati mal-belt klassiċi u oħrajn b’temi speċifiċi. 

·      Tist’a tesperjenza l-belt minn fuq il-kanali fejn tiġi gwidat bil-lingwa Ingliża. Minn fuq il-kanali, wieħed jista’ jara The Copenhagen Opera House, Amalienborg Palace, Christiansborg Palace, il-Black Diamond Library, u l-Little Mermaid. Barra hekk, hemm Canal Tour li jieħdok taħt l-14-il bridge u b’hekk tesperjenza 250 sena ta’ storja tal-pontijiet.

·      Inkella tista tirkeb il-‘hop on hop off’ u minn hemm, tista’ tara kull attrazzjoni kif trid int. Jew billi tarahom minn fuq il-karozza mingħajr waqfien, inkella billi tinżel fejn kull attrazzjoni u ddur dawra ma’ kull lokalità. Tinkwetax jekk tkun ix-xita, għax kollha għandhom ‘sliding tops’ jekk tinżel ix-xita. Tista’ wkoll taqta’ biljett u żżur id-Danimarka permezz tal-Hop on Hop Off u bil-kanal b’biljett wieħed.

·      Tista’ wkoll tikri gwida liċenzjata li jieħdok bit-trasport pubbliku sal-kastelli ta’ North Sealand, il-belt tal-Vikingi Roskilde, fejn twieled Hans Christian Andersen f’Odense jew matul il-pont li jwasslek sal-Iżvezja

 

Il-port ta’ Nyhavn minn fejn jitilqu bosta canal cruises
Il-port ta’ Nyhavn minn fejn jitilqu bosta canal cruises

Tivoli Gardens: il-ġnien li jinbidel f’fairyland malli tinżel ix-xemx

Theme Park tant iffrekwentat mit-turisti hu l-park jew kif isibuh huma l-ġonna ta’ Tivoli li ilhom hemm mill-1843 fejn barra r-rikbiet stil ‘luna park’, wieħed isib pavaljuni, logħob u anke wirjiet ħajjin. Filwaqt li kull nhar ta’ Sibt ikun hemm wirja ta’ logħob tan-nar. Fis-sajf kull nhar ta’ Ġimgħa jiġu organizzati kunċerti rock minn baned Daniżi. Interessanti li wieħed jirkeb roller coaster li għandha mitt sena (iżda rinnovata). Jekk int romantiku mur hemm wara li jidlam, bid-dwal jagħtu dehra ta’ passiġġata f’fairyland. Fis-sala tal-kunċerti ikun hemm wirjiet internazzjonali orkestrali u anke wirjiet internazzjonali ta’ ballet.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mill-Ħadd sal-Ħamis: 11am-10pm

Il-Ġimgħa: 11am-12.30am

Is-Sibt: 11am-sa nofsilejl minn April sa Settembru

 

Mixja ta’ kilometru twasslek fejn l-istatwa l-aktar fotografata fid-Danimarka

New York għandhom l-istatwa tal-libertà, Sydney għandhom l-Opera House, Brussell l-Mannekin Pis u d-Danimarka l-Little Mermaid. Statwa ċkejkna li anke jekk kif tasal sa ħdejha tkun kemxejn diżappuntat minħabba d-daqs tagħha wara mixja ta’ madwar kilometru, xorta tibqa’ l-aktar monument fotografat fid-Danimarka.

Din l-istatwa saret mill-baruni tal-birra Daniża, Carl Jacobsen li wara li attenda l-ballet ta’ Hans Christian Andersen, ‘The Little Mermaid’ kien ikkummissjona lill-iskultur Edvard Eriksen fl-1909 biex jikkrea din l-istatwa ta’ din it-tfajla nofsha ħutha u nofsha umana. Wiċċha hu tal-ballerina Ellen Price filwaqt li l-ġisem hu ta’ Eline Eriksen, mart l-iskultur innifsu. Minħabba li kien hemm diversi atti vandali fuqha, fejn mhux l-ewwel darba li sfat bla ras jew bla id, fl-2006 Carlsberg ikkummisjonat artist ieħor biex joħloq Little Mermaid oħra bir-riżultat li l-istatwa ġiet ġenetikament mibdula u ftit mijiet ta’ metri bogħod minn fejn kienet is-sirena oriġinali, għalkemm wiċċha mhux isbaħ minn dik tal-oriġinali.

Kif tasal:

Titjiriet diretti lejn din il-belt jeżistu permezz tal-linja tal-ajru Norwegia. Jew inkella għażla oħra hi li tuża l-Air Malta jew Lufthansa iżda mhux b’titjiriet diretti, fejn tieqaf il-Ġermanja, ġeneralment Frankfurt jew Munich, u taqbad titjira oħra minn hemmhekk. Għażla oħra hi li fix-xhur tas-sajf taqbad titjira lejn Billund bir-RyanAir u taqbad tren minn hemmhekk.

 

 

More in Divertiment