L-ikla t-tajba

Tortini tal-faqqiegħ (Appetizer)

Ingredjenti:

  • Pakkett għaġina sfiljurata
  • 4 mrf butir
  • 2 mrf żejt veġetali
  • 150g faqqiegħ imqatta’
  • 1 basla mqatta’
  • ¼ kċn timu niexef
  • 1 mrf zokkor
  • 1½ mrf ħall balsamiku 
  • Sinna tewm żgħira mqatta’
  • 120g ġobon maħkuk (mozzarella/cheddar/gruyere)
  • Bżar u Melħ
  • 1 bajda mħabbta

Metodu:

  1. F’kazzola, saħħan magħrfa żejt veġetali u magħrfa butir. Ixħet il-faqqiegħ imqatta’ u tektek għal madwar 5 minuti saħemm jirtabu. Poġġi fi skutella u warrab f’ġenb.
  2. Saħħan il-bqija taż-żejt u l-butir u sajjar il-basal imqatta’ u t-tewm għal 5 minuti sakemm jirtabu u l-basal isir trasparenti. Żid it-timu niexef u z-zokkor, u kompli sajjar għal 25 minuta oħra fuq nar bati. Ħawwad kull ħames minuti, u żis il-ħall balsamiku. Ħalli l-basal jixrob dan kollu u neħħi minn fuq in-nar. 
  3. Ħallat flimkien it-taħlita tal-basl, mal-faqqiegħ imsajjar. Ħawwar bi ftit bżar u melħ, u ħallih jiksaħ. Żid il-ġobon maħkuk u ħawwad sew.
  4. Aqta’ l-għaġina sfiljurata f’kaxxi indaqs ta’ madwar 5ċm, u poġġi f’dixx b’karta strazza. Ara li l-għaġina tkun kiesħa u idleħ il-bajda mħabbta fuq il-kaxxi tal-għaġina. 
  5. Poġġi mgħarfa mit-taħlita tal-faqqiegħ fin-nofs ta’ kull biċċa għaġina. Aħmi f’forn jaħraq ta’ madwar 200˚C għal madwar 20 minuta.

Tiġieġ il-forn stil Marokkin (Platt prinċipali)

Ingredjenti:

Għat-taħlita tal-ħwawar:

  • ¾ kċn melħ
  • ¼ kċn kemmun
  • ¾ kċn paprika
  • ¾ kċn żgħafran tal-Indja (turmeric)
  • ⅛ kċn cayenne pepper
  • ¼ kċn bżar mitħun
  • 1 mrf żejt taż-żebbuġa
  • 1 mrf butir imdewweb
  • 4 sinniet tewm mgħaffġin

Għat-tiġieġ:

  • 1 lumija
  • 2 basliet kbar maqtugħin fi flieli
  • 2 mrf żejt taż-żebbuġa
  • ¼ kċn melħ
  • 3 koxox tat-tiġieġ bil-parti ta’ fuq
  • Kikra żebbuġ imqatta’
  • 2 mrf tursin imqatta’

Metodu:

  1. Fi skutella żgħira, ħallat il-ħwawar kollha billi tħawwad il-melħ, kemmun, paprika, turmeric, cayenne pepper u bżar. Magħhom żid magħrfa żejt u magħrfa butir imdewweb u t-tewm mgħaffeġ.
  2. Aqta’ l-lumija min-nofs, erfa’ nofsha u qatta’ f’biċċiet irqaq u poġġi f’saff fuq dixx tal-forn. Ixħet il-basal imqatta’ fi flieli fid-dixx, fuq il-lumi u itfa’ żewġ magħref żejt taż-żebbuġa fuq il-basal. Ferrex ¼ kċn melħ u kċn turmeric.
  3. Poġġi t-tiġieġ fid-dixx fuq kollox, bin-naġa tal-ġilda ’l fuq u ara li jkunu nexfin. Poġġi t-taħlita tal-ħwawar fuq it-tiġieġ.
  4. Aħmi f’forn jaħraq ta’ madwar 220˚C u sajjar għal madwara 30-40 minuta sakemm it-tiġieġ ikun sar minn ġewwa.
  5. Ferrex iż-żebbuġ imqatta’ u t-tursin fil-wiċċ u agħasar in-nofs lumija li fadal fuq it-tiġieġ. Servi sħun flimkin ma’ xi kontorn bil-couscous.

Pastini Banoffee (Deżerta)

Ingredjenti:

  • 1 pakkett gallettini Digestive
  • 50g butir imdewweb
  • Bott caramel/ ħalib magħqud
  • 2 banana
  • 150ml krema mħabbta
  • Ċikkulata maħkuka għall-wiċċ

Metodu:

  1. Jekk se tuża ħalib magħqud, neħħi l-karta ta’ barra u magħluq, poġġih f’borma b’misħun, fuq nar medju għal madwar sagħtejn. Ħallih jibred u uża meta jkun sar caramel, jew inkella uża bott caramel lest.
  2. Farrak il-gallettini, u żid il-butir imdewweb. Poġġi ftit minn din it-taħlita f’dixx tal-muffins, jew inkella f’karti tal-muffins, u pressa sew. Kessaħ għal madwar kwart fil-friġġ.
  3. Ħabbat il-krema sakemm ma tkunx għadha mmerqa u kessaħ.
  4. Fuq il-gallettini poġġi kuċċarina caramel, u 2 biċċiet banana. Fuqha poġġi ftit krema mħabbta u żejjen bi ftit ċikkulata maħkuka.
  5. Kessaħ u servi kesħin.

More in Divertiment