Miċ-Ċinema din il-ġimgħa
Il-films li se jkunu qed joħorġu għall-wiri din il-ġimgħa
Rogue One: A Star Wars Story
Atturi Ewlenin: Felicity Jones; Diego Luna; Ben Mendelsohn; Donnie Yen; Mads Mikkelson; Forest Whitaker
Direttur: Gareth Edwards.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ħin: 133min
Ċert: 12A
Probabbli, l-iżjed fenomenu ta' impatt minn Hollywood li laqat lill-udjenzi Amerikani hi s-sensiela Star Wars. L-aħħar xogħol ta' din is-serje kien ‘Star Wars, Ep. VII - The Force Awakens’ [2015] u t-tmien episodju suppost li għandu joħroġ fl-2017. Allura x'għandu x'jaqsam ‘Rogue One: A Star Wars Story’?
Minn idea ta' John Knoll, espert li jissorvelja l-effetti speċjali viżwali fil-kumpanija Industrial Light And Magic [ILM], entità ta' George Lucas, il-‘papà’ assolut tal-films ‘Star Wars’, nibtet l-idea li jinħolqu stejjer diversi li jseħħu bejn l-episodji tal-passat ta' din is-sensiela, b'karattri ġodda li jikkumplimentaw lil dawk oriġinali. Dawn jissejħu ‘standalone’ films, bl-ewwel wieħed ikun ‘Rogue One’.
Din l-istorja awtonoma sseħħ ftit qabel ‘Star Wars’ [1977] li meta reġa' ħareġ fl-1999, kellu l-isem ‘Star Wars, Ep. IV - A New Hope’ u ftit qabel l-avvenimenti ta' ‘Star Wars, Ep. III - The Revenge Of The Sith’ [2005]. Għal darb'oħra, insibu ruħna f'galassja fil-profondità tal-univers fejn grupp ta' ribelli jiddaħħlu għal missjoni ta' sogru kbir biex jisirqu l-pjanijiet tad-Death Star, arma verament qerrieda f'idejn l-Imperu Galattiku.
Immexxija minn Jyn Erso [Jones], li bħala tifla rat lil ommha tinqatel u lill-missierha maqbud mill-Imperu u Cassian Andor [Luna], dawn l-ispiji komuni jazzardaw f'azzjoni straordinarja u bil-kuraġġ sfieq jgħollu d-dinjità tagħhom. Din id-darba, magħhom ikun hemm Chirrut Imwe [Yen], gwerrier tal-arti marzjali, devot lejn l-Alleanza u l-Kavallieri Jedi. ‘Rogue One’ nista' ngħid li jidħol fit-territorju ta' din is-sensiela oriġinali minn triq imwarrba u qatt ma jiddomina fuq il-karattri oriġinali. Dan ix-xogħol tassew imħarrek hu mimli azzjoni qawwija bi sparaturi fuq art soda, diżastri u l-final superb ta' battalja twila fl-ajru. Kultant, jixbah xi Western spazjali bi ħjiel tal-invażjoni tan-Normandija tat-Tieni Gwerra Dinjija. F'waqtiet żgħar, nilmħu karattri ġenwini ta' qabel, bħal Peter Cushing, bħala l-Gvernatur tal-Imperu, Carrie Fisher, il-Prinċipessa Leia Organa u l-kattiv liebes maskra, Darth Vader, bil-vuċi ta' James Earl Jones. Dawn il-films separati li naturalment kull wieħed b'kast differenti għalih huma maħsuba li jsebbħu aktar l-univers ta' dan il-fenomenu ta' fortuna.
Office Christmas Party
Atturi ewlenin: Jason Bateman; T. J. Miller; Olivia Munn; Jennifer Aniston; Jillian Bell; Vanessa Bayer
Diretturi: Will Speck u Josh Gordon.
Maħruġ minn KRS Releasing
Ċert: 15
Żmien il-Milied hu perjodu ta' ferħ, allegrija u awguri sbieħ lil kulħadd. Fl-uffiċini u postijiet oħra fejn jiltaqgħu l-istaff kollu għal xi reciviment, dakinhar jintesew id-differenzi soċjali fejn diriġenti, ħaddiema, qaddejja u dawk li jagħmlu l-iżjed xogħol bażiku, bħal dawk li jnaddfu u jaħslu, jintegraw sewwa ma' xulxin bħall-ħbieb tal-qalb fejn kulħadd jiddeverti u l-livell soċjali f'dik l-okkażjoni jintesa. Din hi l-premessa ta' ‘Office Christmas Party’. F'din l-atmosfera ta' libertà, xi sentimenti mhux sbieħ mistura fl-istonku, lesti biex joħorġu fil-mument opportun, ifeġġu bla ebda biża' bejn min jikkmanda u min jaħdem. Meta s-CEO Carol Vanstone [Aniston] tal-uffiċċju Zandeck Chicago tagħlaq, ftit jiem qabel il-Milied, il-fergħa fejn ħuha Clay [Miller] hu l-kap, dan u Josh Parker [Bateman], il-Kap Uffiċjal Tekniku, jiġbru l-ħaddiema kollha tas-sezzjoni tagħhom biex jorganizzaw riċeviment spettakolari biex jimpressjonaw klijent tajjeb u b'hekk isalvaw l-impieg tagħhom. X'jinqala' f'din l-attività sfrenata tistgħu timmaġinaw, fejn ħafna mill-mistednin aktarx xurbana jew taħt l-influwenza ta' xi sustanzi, jitilfu kull sens ta' kontroll. ‘Office Christmas Party’ hija kummiedja nieqsa mill-umoriżmu, kultant tedjanti, b'mumenti żgħar ta' sitwazzjonijiet sodisfaċenti. Id-diretturi Josh Gordon u Will Speck jew kienu bejn ħalltejn kif se jiżvolġu l-andament, jew qabdu t-triq tan-nofs bejn moderazzjoni u xi ftit żvolgiment imħarrek.