Konferenza dwar il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali

L-għan ewlieni tal-konferenza hu li jkun hemm diskussjoni miftuħa fuq is-sehem tal-ilsien nazzjonali f’politika lingwistika nazzjonali li għad trid titfassal

Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju 2025 se ssir konferenza pubblika bil-Malti dwar “Il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali.” Il-konferenza, li se ssir fl-Aula Magna tal-Valletta Campus, fi Triq San Pawl, il-Belt, tibda fit-8:30am bir-reġistrazzjoni u l-kafè, u tintemm fis-2:30pm. 

Diskussjoni miftuħa

L-għan ewlieni hu li jkun hemm diskussjoni miftuħa fuq is-sehem tal-ilsien nazzjonali f’politika lingwistika nazzjonali li għad trid titfassal. Bħala parti minn din id-diskussjoni se jsiru interventi minn għadd ta’ akkademiċi u professjonisti li jaħdmu fuq il-lingwa f’oqsma differenti tal-ħajja u x-xogħol f’Malta.

Din il-konferenza qed tittella’ mid-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università, bħala parti minn sensiela ta’ konferenzi dwar il-politika, il-lingwa u l-letteratura.

Il-konferenza hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul għaliha huwa b’xejn. Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jinkitbu billi jibagħtu email lil [email protected] jew jimlew din il-formola qasira.

Ħames sessjonijiet, ħafna vuċijiet​

Fl-ewwel sessjoni, il-Prof. Ray Fabri, iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, u l-Prof. Mario Thomas Vassallo, il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza, se jitkellmu dwar x’inhi l-politika lingwistika, waqt li fit-tieni sessjoni, is-Sa Marija Bellia u s-Sur Thomas Pace, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, se jħarsu lejn dak li qed jagħmlu pajjiżi oħrajn fejn tidħol il-pjanifikazzjoni tal-lingwa u jqabblu mas-sitwazzjoni f’Malta. Fit-tielet sessjoni, Dr Luke J. Buhagiar u Dr Phyllisienne Vassallo Gauci se jitkellmu fuq ir-relazzjonijiet interkulturali f’Malta u kif jintrabtu mal-lingwa. 

Fir-raba’ sessjoni, li se titmexxa minn Dr Kurt Borg, għadd ta’ kelliema minn oqsma differenti se jitkellmu dwar dokumenti u prassi ta’ politika lingwistika settorjali f’Malta. Dr Benjamin Matthews u s-Sur Chris Ripard se jħarsu lejn il-lingwa tas-sinjali Maltija; il-Prof. Ray Fabri u s-Sur Thomas Pace se jitkellmu fuq is-senjaletika u l-amministrazzjoni pubblika; il-Prof. Michael Spagnol se jħares lejn il-qasam tax-xandir; is-Sur David Muscat u s-Sa Lara Stagno se jħarsu lejn il-politika lingwistika fl-edukazzjoni; is-Sur George Mifsud se jitkellem fuq l-amministrazzjoni tal-iskejjel; il-Prof. Godfrey Baldacchino se jħares lejn il-politika lingwistika tal-Università ta’ Malta; is-Sa Kirsty Azzopardi se titkellem fuq il-ħaddiema barranin u l-Malti; u Dr Marc Tanti se joffoka fuq il-Malti fil-qasam tat-teknoloġija

Diskussjoni plenarja u għeluq

Il-ħames sessjoni, li se titmexxa mis-Sa Justine Somerville, se tkun diskussjoni plenarja li għandha twassal għal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għat-tfassil ta’ politika lingwistika nazzjonali li tqis il-funzjoni ċentrali tal-ilsien nazzjonali fl-oqsma ewlenin tal-ħajja.

Il-konferenza tagħlaq bl-intervent tal-Prof. Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

More in Divertiment