Films ġodda din il-ġimgħa

Il-films il-ġodda li ħerġin din il-ġimgħa fis-swali taċ-Ċinema

Silence

Atturi Ewlenin: Andrew Garfield; Adam Driver; Liam Neeson; Ciaran Hinds; Tadanobu Asano; Issey Ogata; Shinya Tsukamazu

Direttur: Martin Scorsese

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 158 min

Ċert: 12A

Id-direttur ċelebri Martin Scorsese ilu 28 sena bil-ħsieb li jġib fuq il-liżar ċinematografiku l-ktieb rinomat ‘Silence’. Fl-1988, meta sar midħla tal-Arċisqof ta' New York, Paul Moore, dan ippreżentalu kopja tan-novella storika ‘Silence’ ta' Shusako Endo. Dan il-volum kien ippubblikat fil-Ġappun fl-1966, fejn ġie mfaħħar bil-kbir u bl-Ingliż fl-1969. Dan il-ktieb ħa reputazzjoni bħala analiżi profonda reliġjuża dwar fatti, dubji, dgħjufija quddiem intolleranza ħarxa u dwar il-kundizzjoni umana. Ambjentat fil-Ġappun ta' żmien is-Samurai, fl-epoka tal-Kakase Kirishitan [l-Insara moħbijin], ‘Silence’ jirrakkonta l-istorja ta' żewġ missjunarji żgħażagħ Portugiżi, fis-seklu sbatax, li jimbarkaw fuq vjaġġ perikoluż lejn l-Orjent, biex ifittxu lill-imgħallem tagħhom, Father Christavao Ferreira [Neeson] u anki jipprietkaw il-Vanġelu lill-poplu. Fil-ftuħ, żewġ Ġiżwiti, wieħed minnhom Fr. Ferreira, qed jiġu ttorturati b'misħun jagħli minn ilma jbaqbaq fuq muntanja vulkanika li jkun mitfugħ fuq ġisimhom, Fr. Sebastian Rodrigues [Garfield] u Fr. Francisco Garrpe [Driver] waqt li qed ifittxu lill-għalliem tagħhom jattendu reliġjożament lin-nies tal-villaġġi Nsara li qed jaduraw bil-moħbi. F'dak iż-żmien, il-kapijiet fewdali u l-gwerriera Samurai ħalfu li jeqirdu lill-Insara ta' pajjiżhom. ‘Silence’ hu omaġġ dinjituz lejn dawn il-fidili kuraġġużi u l-għalliema tagħhom li jafu sewwa li jekk jinqabdu hemm mewt kiefra twila u agonizzanti għalihom. Minkejja t-tul tiegħu, dan ix-xogħol iżommok imkaħħal mas-siġġu, bi storja verament intriganti, fotografija eċċellenti ta' pajsaġġ mill-isbaħ, kollu ħdura, muntanji u anki xi ċpar, torturi qawwija ta' kull tip u editjar preċiż.  It-titlu tal-film jirreferi għas-silenzju t'Alla quddiem moħqrija u sofferenzi li ma jitwemmnux, imma li seħħ tabilħaqq. Ħadd m'għandu jitlef din il-produzzjoni li tassew tagħmel ġieħ lill-arti taċ-ċinema!

 

The Edge of Seventeen

Atturi Ewlenin: Hailee Steinfeld; Woody Harrelson; Kyra Sedgewick; Haley Lu Richardson; Blake Jenner

Direttur: Kelly Fremon Craig

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 99 min

Cert: 15

L-età ta' 17-il sena hija żmien kruċjali ta' kull żagħżugħ u żagħżugħa. Ġeneralment, dan hu l-perjodu propizju tal-bidu għall-bidla, bil-mod, mill-adolexxenza għal dik ta' adult. L-istorja ta' tfajla teenager li qed tipprova ssib postha fil-ħajja, rajnieha f'diversi xogħlijiet tal-passat, speċjalment f'dawk tad-direttur John Hughes, mhux dejjem b'soluzzjoni sodisfaċenti. Għall-kuntrarju, f' ‘The Edge Of Seventeen’, b'interpretazzjoni tassew reali u awtorevoli minn Hailee Steinfeld, din il-ħaġa tiżvolgi b'mod rifreskanti u li jitwemmen. Nadine [Steinfeld] hija konfuża u inkwetata. Pjuttost ta' għaliha waħedha sa minn ċkunitha, qatt ma kellha xi relazzjoni tajba ma' ommha, Mona [Sedgewick] jew ma' ħuha l-kbir, Darian [Jenner].  Però, kienet tadura lil missierha li miet ħesrem.  Kien biss meta għamlet ħabiba ma' Krista [Richardson], sa minn meta kien għadhom tfal, li sabet xi ftit konfort. Din il-ħbiberija intima u soda spiċċat meta Krista bdiet toħroġ ma' ħuha. Hawn, Nadine rat li d-dinja ta' madwarha ma tridx taf biha u bdiet tiftaħ qalbha ma' Mr. Bruner [Harrelson], l-għalliem ċiniku tagħha tal-istorja. Meta xi ħadd tas-sess oppost jibda juri xi interess fiha, hi għall-ewwel tirrifjuta, però wara tinduna li żbaljat u b'hekk tibda tħares lejn ta' madwarha b'għajnejn differenti u anki tapprezzahom aktar. ‘The Edge Of Seventeen’ hu mera ċara tal-ħajja ta' diversi teenagers tal-preżent li ma jafux xi jridu sewwa u tassew jaqbad l-atmosfera tal-esperjenzi tagħhom. Dirett b'mod ammirevoli minn Kelly Fremon Craig, il-film ma jibżax juri s-sofferenzi u l-iskumditajiet kollha li l-adolexxenti jesperjenzaw f'dan il-perjodu ta' ħajjithom. Steinfeld tassew tiddomina, mingħajr sforzi kbar, bħala waħda intelliġenti, sarkastika u li hi konxja minn dak kollu li ssarraf il-ħajja - parti aqwa minn dik li tat fi ‘True Grut’ [2010].

 

More in Divertiment