Films ġodda din il-ġimgħa

Il-films il-ġodda li ħerġin din il-ġimgħa fis-swali taċ-Ċinema

La La Land

Atturi Ewlenin: Ryan Gosling; Emma Stone; Rosemarie DeWitt; Finn Wittrock

Direttur: Damian Chazelle

Maħruġ minn KRS releasing

Tul: 126 min.

Ċert: 12A

Tassew wieħed se jgħaddi aktar minn sagħtejn f'ġenna tal-art waqt li jkun qed jara La La Land.  Kollox f'dan il-film iseħħ fil-belt ta' Los Angeles - il-post tal-ħolm fejn kollox hu possibbli.  Mal-ftuħ, mijiet ta' karozzi jinsabu mwaħħlin fit-traffiku fi triq prinċipali li tagħti għall-"Belt tal-Anġli".  Minflok ħornijiet idoqqu, rabja, eċċitament palpabbli, eċċ., in-nies joħorġu mill-vetturi u jesibixxu danza sfrenata, tassew innovattiva b'ħafna movimenti ħfief u anki akrobatiċi [forsi eku tax-xogħlijiet ta' Bollywood?].  Ikun f'din l-attività li jiltaqgħu Sebastian [Gosling], pjanista tal-mużika jazz, u Mia [Stone] li taħdem bħala kamriera fl-istudjows tal-Warner Bros u li tixtieq li ssir attriċi.  Hawn, tinbet relazzjoni romantika bejniethom, it-tnejn li huma b'aspirazzjoni ħerqana li jsiru famużi fil-karriera li jridu jaqbdu, però wkoll se jgħaddu minn ħafna qtigħ il-qalb.  "La la Land" qed jerġa' jirxoxta l-film mużikali b'entużjażmu ferventi u b'mod rifreskanti, kif ukoll bl-istil tal-kapulavuri ta' dan il-ġeneru tal-passat.  B'andament li jinkludi diversi siltiet ta' żfin u kanzunetti ħelwin, Sebastian u Mia se jirrikreaw dinja fantastika għalihom.  Meta kollox juri li qegħdin fis-seba' sema [anki f'waħda miż-żifniet isibu ruħhom qalb l-istilel], l-ambizzjoni egoistika personali tagħmel tagħha u anki jinfirdu.  Iżda dawn jistgħu jgħixu kuntenti mingħajr xulxin?  Dan ix-xogħol jagħti omaġġ ġenwin lill-films mużikali, l-aktar dawk tal-MGM tas-snin ħamsin, fil-kostumi [in-nisa bid-dublett "flared" jew bil-piegi, l-irġiel dejjem bl-ingravata, pullover u ġlekk], fil-kulur, fil-mod kif ir-relazzjoni romantika tiżvolġi b'manjiera ġentili u bews irżin u anki fil-prominenza li d-direttur jagħti fil-credits tal-bidu lill-kliem filmed in CINEMASCOPE li jimlew il-liżar kollu, kif ukoll fl-aħħar tidher THE END.  "La La Land" qed jaffaxxina lill-udjenzi kullimkien u l-istess għandu jagħmel hawn. Diġà nnominat għal ħafna unuri.

 

A Monster Calls

Atturi Ewlenin: Lewis MacDougall; Sigourney Weaver; Felicity Jones; Toby Kebbell; Geraldine Chaplin

Direttur: J. A. Bayona

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 108 min.

Ċert: 12A

A Monster Calls iħallat sitwazzjonijiet drammatiċi ma' fantasija ħelwa.  Fil-qalba ta' din l-istorja, miktuba minn Patrick Ness u addattata għal fuq il-liżar mill-awtur stess, insibu tfajjel, Conor O'Malley [MacDougall] li hu inkwetat ħafna.  Fil-bidu jqum minn raqda, eżawrit wara ħolma kerha, ma jistax isib serħan meta qed jara lil ommu Lizzie [Jones] dejjem tbatti minħabba marda qerrieda.  Bħalissa qed tieħu ħsiebu n-nanna [Weaver] li spiss toqgħod attenta li ma jinkisirx xi oġġett prezzjuż milli għandha fid-dar.  Fl-iskola, Conor ikun il-mita tal-buli, Harry [James Melville], u meta ma jkunx jista' jissaportih aktar iħebb għalih bla ħniena.  Darba billejl, jieħu qatgħa kbira meta mid-dlam ta' barra jitfaċċa ġgant [vuċi ta' Liam Neeson] minn siġra kollha friegħi li tieħu r-ruħ.  Dan il-mostru jibda jirrakkontalu stejjer biex jgħinu jikkontrolla ħajtu u ma jibqax inkwetat u ħosbien.  Id-direttur Spanjol J. A. Bayona diġà wera affinità lejn it-tfal fil-films tiegħu The Orphanage u The Impossible u kompla din il-proċedura f'A Monster Calls.  L-ispirazzjoni għall-mostru tal-istorja ġietu minn tpinġija tal-pittur Francisco Goya, The Colossus, li impressjonatu meta kien għadu tifel.  Lewis MacDougall hu naturali ħafna u tassew jesibixxi fattizzi ta' tfajjel bla serħan u mhux kuntent. Din il-produzzjoni tappella sewwa wkoll għall-adulti.

More in Divertiment