rakkont | Il-ktieb tal-mużika
Ir-rakkont ta' kull ġimgħatejn tal-awtriċi Sharon Calleja
Paolo kien mużiċista. Il-mużika kienet ħajtu.
Minn età bikrija kien wera interess qawwi biex jibda jdoqq strument.
U ommu kienet ħaditu jitgħallem. Ħallsitlu l-flejjes u nefqet nofs ġidha privatijiet u lezzjonijiet tal-pjanu.
Issa llum.
Illum Paolo kien mużiċista professjonali. U kull fejn kien idoqq, kien isaħħar lil dawk kollha li kienu jisimgħuh bin-noti sottili u maġikali li kienu ġejjin mit-talent li nibet miegħu.
Dakinhar ma kinitx xi ġurnata partikolari għalih. Kien għadu kemm għadda fuq il-monti, xtara tuffieħa u kien sejjer għal għonq it-triq, imeċlaq u japprezza t-temp sabiħ tas-sajf Malti. Kull darba li kien isiefer, ix-xemx Maltija kienet l-iżjed ħaġa li kien iħoss in-nuqqas.
U hekk malli għadda minn quddiem il-ħanut, waqaf imeċlaq u għal mument baqa’ hemm bilwieqfa, bin-nies għaddejjin iħokku miegħu, qisu statwa tal-porċellana.
Il-ktieb tal-mużika.
Mill-ġenb ta’ għajnejh, kien lemħu.
Kien l-ewwel edizzjoni tal-ktieb tal-mużika li kien beda jitgħallem fuqu!
Insomma...bħalu...għax tiegħu min jaf illum fejn kien spiċċa!
Bla ma ħasibha darbtejn, tefa’ t-tuffieħa fiż-żibel u daħal fil-ħanut li kien ibigħ il-kotba qodma u użati.
L-atmosfera laqgħatu; ir-riħa tal-kotba, it-tapit roża fin-nofs tal-ħanut, xkafef tal-injam ikkuluriti, il-ħoss tal-qanpiena ċkejkna li kienet iddoqq eżatt xħin jinfetaħ u jingħalaq il-bieb u l-wiċċ ruxxan ta’ Doris, li kienet impjegata fil-ħanut, imbaċċaċ u ferrieħi.
F’kelma waħda kien ħanut attraenti u kellu enerġija pożittiva immens.
Lanqas kellu għalfejn jgħidilha x’kien daħal jagħmel.
“Rajtu fil-vetrina hux?” staqsietu Doris, tikxef snienha kollha bix-xedaq abjad, abjad.
Hekk malli ġabitlu l-ktieb u ħadu f’idejh, ħassu donnu mmur lura fiż-żmien. Għal mument qasir għalaq għajnejh. Ħassu jivvjaġġa lura lejn il-bidu. Il-bidu tal-karriera tiegħu tal-mużika.
Kien għadu jiftakar qisu lbieraħ, l-ewwel klassi fl-iskola tal-mużika fejn kien attenda, il-ħbieb kollha li kien iltaqa’ magħhom u li parti minnhom kien għadu jiffrekkwenta sal-ġurnata tal-lum.
“Grazzi,” qal lil Doris wara li ħallasha u telaq ’il barra bih f’idu, iżommu b’mod ferm prezzjuż.
Malli wasal id-dar, intefa’ fuq l-iskrivanija u bi tbissima fuq fommu, fetħu.
Il-ktieb tal-mużika.
X’memorji!
Dawk in-noti!
Il-paġni kollha sofor u mikulin xi ftit bil-kamla.
Malli beda jdawwar il-paġni, għajnejh waqgħu fuq tħarbix żgħir fil-kantuniera ta’ fuq tal-ewwel paġna.
‘A.S.’
Dan il-ktieb donnu kien jappartjeni xi darba lil xi ħadd b’dawk l-inizjali, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Hu kien jaf lil kull min kien idoqq fir-raħal u għalhekk beda jaħseb ta’ liema tifel jew tifla seta’ kien dan il-ktieb.
“Abigail Sammut...” qal l-isem b’leħen għoli, li dewa madwar l-appartament modern fejn kien joqgħod.
Abigail kienet l-ewwel tifla li kien qatt ħabb. Kienu fil-klassi tal-mużika flimkien u tgħidx kemm kienu jaqblu. Kienet l-isbaħ tifla li qatt kien ra. Sikwit kienu jmorru lejn id-dar flimkien dak iż-żmien. Sikwit kienu joħorġu flimkien filgħaxija u jmorru jaraw xi film iċ-ċinema jew xi mixja fil-kampanja.
Abigail.
Kienet iżżewġet u għandha t-tfal. U hu...hu kien għadu waħdu. Mhux għax ma kellux min iridu tafx...għax tfajliet kellu kemm irid. Kien jaf li kien ġuvni ħelu.
Amanda Sengall.
Qalbu għamlet tikk.
Dik ukoll kellha l-istess inizjali. U ma tantx kellu grazzja magħha dak iż-żmien meta kienu tfal. Isimha donnu ġie waħdu f’moħħu. Qisu poġġihulu xi ħadd.
Amanda.
Amanda kienet tifla xi ftit imdellka, xagħarha iswed ħafna, dejjem waħedha, dejjem kwieta. Qatt ma kienet tlissen kelma. U hu. Hu kien jistkerrahha. Meta tkun tfal hux? Xħin kien jaraha tħares lejh fil-klassi; għaliex ħlief tħares lejh il-ħin kollu ma kinitx tagħmel, kien joqgħod jgħajjibha u jħarsilha bl-ikrah.
Issa ma setax jiftakar eżatt, imma lil Amanda dak iż-żmien tgħidx kemm kien jaqbad magħha u jgħid kontiha mat-tfal l-oħra.
Tgħid x’kien sar minnha dik? Kien ilu ħafna ma jisma’ fuqha jew jaraha x’imkien.
Il-kurżità ta’ min seta’ kien sid dan il-ktieb ġagħlitu jibda jqalleb minn paġna għal oħra forsi jara jekk dan il-ktieb kellux xi ħjiel oħra li kien jappartjeni lill-ewwel imħabba ta’ ħajtu u ċioè Abigail. Jew l-iktar tifla li kien jobgħod meta kienu tfal u cioè Amanda.
Jew forsi ħadd minnhom.
Imma hekk xħin beda jqalleb, innota tpinġija fuq paġna vojta.
Tifel imħażżeż bil-lapes liebes flokk b’numru ħamsa fuqu.
Minjaf? Tgħid għal xiex kien dak? Forsi kien xi maħbub ta’ sid il-ktieb...beda jhewden waħdu.
Imbagħad qalleb erba’ paġni oħra u lemaħ tifla u tifel impinġijin flimkien, lebsin donnu lbies ta’ tieġ...
“Din riedet tiżżewweġ...” qal waħdu bi tbissima.
Issa l-kurżità kienet kibret. Tgħid il-ktieb...
Imbagħad ftakar li lil Amanda ta’ sikwit kien jaraha tħażżeż fuq il-kotba.
Qalleb paġna oħra u ra tifel b’rasu maqtugħa u dudu tal-ħarir impinġi maġenbu.
Kompla jqalleb u fl-aħħar paġna ra tebut impinġi u tifla ġo fih.
Inħasad.
Dawn it-tpinġijiet kienu xi ftit turbolenti u għalkemm kienu mpinġijin b’mod sabiħ, donnhom kien fihom messaġġ.
Poġġa l-ktieb fuq l-iskrivanija u ħareġ fil-parapett ipejjep sigarett. Kienet qabditu r-rogħda jħares lejn dawk it-tpinġijiet.
Amanda.
Issa kien qed iħossu kważi ċert li Amanda kienet għamlithom. Ma kien jaf lil ħadd aktar b’dawk l-inizjali fir-raħal u li kienet tħobb tpinġi ħlief hi.
U jekk le, jekk le, forsi Abigail kellha namra għat-tpinġija u ma kienx jaf...
Qabad il-ktieb u telaq ’il barra. Mar id-dar ta’ zitu. Iz-zija tiegħu kienet waħda mill-għalliema li kienet għallmet f’dik l-iskola tal-mużika, fejn kien jattendi hu meta kien żgħir.
“Dik x’kien sar minnha Amanda?” staqsieha.
“Amanda...” qaltlu xi ftit imbikkma, hekk malli għamlitlu bela’ kafè u poġġew bilqiegħda fuq il-parapett quddiem veduta li tgħaxxqek.
“Amanda kienet waqfet tiġi l-iskola tal-mużika malli bdejna l-ħames sena... tiftakar?” staqsietu.
“Le. Ma kontx nagħti kasha.” Leħnu kien xott. Ma kienx jaf għala lil Amanda qatt ma kien jaħmilha. Qatt ma kellu grazzja magħha.
“Iva, kienet waqfet milli tiġi.”
“Grazzi,” qalilha.
“Paolo...” għajtitlu, eżatt malli kien wasal lejn il-bieb ta’ barra ta’ darha. “Dak il-ktieb fil-ħames sena konna nużawh.”
Paola għamel żmien jhewden fuq il-ktieb tal-mużika. Iżda l-mistoqsijiet tiegħu baqgħu mhux imwieġba.
Sakemm...
Sakemm iltaqa’ ma’ sieħbu Danny.
Danny kien ġie għandu bla ħsieb, fetħu tnejn birra u qagħdu jirrilassaw ftit fis-salott.
Għal mument, Paolo kien nesa dwar il-ktieb u dak kollu li kellu x’jaqsam miegħu.
“Ara dak!” daħaq Danny hekk xħin rah fuq it-tavolin. “Il-ktieb li bdejna nitgħallmu fuqu.”
“Int tiftakarha lil Abigail?” staqsieh Paolo.
“U żgur! Min ma jiftakarhiex lil Abigail?” staqsieh sieħbu bi tbissima. “Tiftakar, inti kont tilgħab il-futbol dak iż-żmien? Domt ġimgħa biss għax xbajt? U kont laqqatt xi daqqa ta’ ballun f’nofs wiċċek?”
“Insejt madoff...”
“Insejt? U ajma! Kellek flokk b’numru 5 fuqu! Ara kemm niftakar!”
Paolo donnu kesaħ għal dawk il-kelmiet.
Jiġifieri dik it-tpinġija... forsi...jista’ jkun...
“U lil dik Amanda tiftakarha?” staqsieh Paolo taqbdu r-rogħda.
“U żgur li niftakarha, Alla jaħfrilha.”
“Mietet?”
“U ejja Paolo fejn qed tgħix?” staqsieh sieħbu. “Insejt? L-aħħar darba li konna rajniha hu meta inti kont tfajtilha d-dudu tal-ħarir ġol-ikel! U kienet telqet ’il barra tibki!”
Paola ħass ix-xfar t’għajnejh jaħarquh.
“U kienet tajritha karozza...” qallu. “Insejt?”
“Ma kontx naf.” Ħass l-għaraq ixoqq għalih.
“Tgħidx kemm kienet tiffansjak dik! Insejt kemm kienet tħarislek?”