
Kristu Lura fi Strada Stretta: għaxar snin ta’ tradizzjoni
Id-dramm, imtella' minn Carlos Farrugia u Joseph Galea, jesplora l-fidi, l-introspezzjoni, u l-konnessjoni umana

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bi pjaċir tippreżenta Kristu Lura fi Strada Stretta, dramm għal żmien ir-Randan ta’ Carlos Farrugia u Joseph Galea. Fl-10 anniversarju tagħha, il-produzzjoni tirritorna fi Strada Stretta – il-post fejn bdiet – biex terġa’ tqajjem l-ispirtu intimu tagħha.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef enfasizza s-sinifikat ta’ dan it-tragward: “Kristu Lura fi Strada Stretta għandha tifsira profonda għall-pajsaġġ kulturali tal-Belt Valletta. Ir-ritorn lejn Strada Stretta jinħass, kemm simboliku, kif ukoll meħtieġ, peress li dan id-dramm huwa aktar minn spettaklu – huwa riflessjoni fuq it-tradizzjoni, il-fidi, u l-qawwa tar-rakkont tal-istejjer. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tibqa’ impenjata li tappoġġja xogħlijiet artistiċi li jippreservaw u jiċċelebraw il-wirt ta’ Malta, u aħna kburin li nikkollaboraw ma’ Carlos Farrugia, Joseph Galea, u l-Arts Council Malta biex din il-produzzjoni tingħata l-ħajja.”
“Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa intrinsikament kommess li jkun ta’ spalla għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-arti u l-kultura. Produzzjoni bħal tal-lum hija eżempju ċar tat-talent immens li joffru l-artisti tagħna. Għaldaqstant kburin li anke f’dan il-każ qed nikkollaboraw fuq dan il-proġett stupend,” tenna l-Uffiċjal Kap tal-Operazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli.
Imtella’ f’The Splendid mill-10 sad-19 ta’ April 2025, id-dramm Kristu Lura fi Strada Stretta jsegwi kittieb li, matul il-Ġimgħa Mqaddsa, jieqaf jieħu birra f’bar fi Strada Stretta, f’nofs is-snin 70. Dan l-att li jidher sempliċi jiżvolġi f’rakkont li jqanqal il-ħsieb li jesplora temi ċentrali mix-xogħlijiet preċedenti ta’ Farrugia u Galea, u jħallat ir-riflessjoni mal-espressjoni artistika.
Filwaqt li jaqsam il-perspettiva tiegħu, id-direttur u attur Carlos Farrugia qal, “li nirritornaw fi Strada Stretta għal dan l-anniversarju huwa mument b’saħħtu, li jsaħħaħ ir-rabta tad-dramm mal-post proprju li ispirah. Il-produzzjoni ta’ din is-sena tkompli tesplora l-fidi, l-introspezzjoni, u l-konnessjoni umana, u tagħti ħajja lil dawn it-temi f’ambjent li jolqot ħafna lill-udjenzi. Nirringrazzja lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u lill-Kunsill Malti għall-Arti għall-appoġġ tagħhom u nistenna bil-ħerqa li naqsam din l-esperjenza mal-pubbliku.”
Bl-appoġġ ta’ Arts Council Malta, l-edizzjoni ta’ din is-sena tittrasforma Strada Stretta f’palk ħaj, fejn l-istorja u l-espressjoni artistika jsiru ħaġa waħda.
Il-biljetti huma disponibbli minn ticketline.com.mt. Għal aktar dettalji, żur is-sit elettroniku tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook.