Miċ-ċinema din il-ġimgħa

Films ġodda fl-iswali taċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Spiderman: Homecoming

Atturi Ewlenin: Tom Holland;  Michael Keaton; Robert Downey Jr.; Marisa Tomei; Jon Favreau; Zendaya

Direttur: Jon Watts

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 133 min

Ċert: PG

Wara li Tobey Maguire u Andrew Garfield ħadmu l-parti ta' Peter Parker, is-supereroj "Spider Man" tal-kotba komiks Marvel, issa jmiss lil Tom Holland li jxidd fuqu l-kostum tar-Raġel Brimba.  Dan ta' 21 sena hu l-iżgħar attur li ħadem din il-parti, kif ukoll l-iżgħar supereroj fl-univers tal-kotba Marvel.  Tom Holland diġà deher bħala ‘Spider Man’ f'parti żgħira f'‘Captain America: Ċivil War’ [2016] u issa dan il-ġuvnott qed jipprova jibbilancja ħajtu bħala l-eroj li jferrex l-għanqbuta u l-ħajja tiegħu fl-iskola.  Hu qed jgħix maz-zija May [Tomei], però jinsab taħt il-ħarsien tal-għalliem tiegħu, Tony Stark [Downey Jr.], aktar magħruf bħala ‘Iron Man’.  Peter jixtieq jgħix ħajja normali bħal ta' sħabu tal-iskola, imma meta fix-xena jfeġġ viljakk ġdid, Adrian Toomes [Keaton], imlaqqam Vulture, iħoss responsabilità kbira li jiffaċċjah, għax dak kollu li jħaddan bħala importanti u neċessarju għalih jinsab mhedded sewwa. ‘Spider-Man: Homecoming’, li hu bit-3d diġitali, fl-atmosfera tiegħu hu differenti miż-żewġ xogħlijiet ta' qabel, fis-sens li jagħti aktar prijorità lit-tema tal-adoloxxenza, b'eroj hawn aktar żagħżugħ, mimli enerġija, ekwilibru, riflessi u ħerqa li jipproteġi liċ-ċittadini onesti u vulnerabbli. Michael Keaton, meta jilbes l-apparat tal-ħadid ta' speċi ta' ajkla kbira jerġa' jfakkar f'‘Birdman’ [fejn ingħata l-unur tal-Aqwa attur fil-Golden Globe]. Hawn, mhuwiex dak il-ħażin assolut u jaġixxi hekk għax kien ittradut qabel. Din il-produzzjoni hi mimlija azzjoni tant eżileranti li jaqtagħlek nifsek u tilħaq il-qofol b'attakk memorabbli u impressjonanti għall-aħħar fuq lanċa kbira li tittrasporta karozzi u passiġġieri minn Staten Island, New York.  Mhux bħall-films tas-supereroj l-oħrajn, ‘Spider-Man: Homecoming’ qed juri karattru aktar żagħżugħ u akkanit għad-doveri ta' responsabilità li ġew imposti fuqu!

 

The Book of Henry

Atturi Ewlenin: Naomi Watts; Jaeden Lieberher; Jacob Tremblay; Sarah Silvermen: Maddie Ziegler; Dean Norris

Direttur: Colin Trevorrow

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 105 min

Ċert: 12A

Nista' niżvela li l-protagonisti ta' ‘The Book Of Henry’ huma tfal, imma dan mhux film addattat għal dawk taħt l-età tal-adoloxxenza. Dan hu xogħol drammatiku, anki xi ftit melodrammatiku fejn tifel ġenju jipprepara pjan biex jeħles lil tifla ġara minn abbużi. Susan [Watts], li sservi l-ikel lill-klijenti f'restorant u li qed taħdem id-dar fuq ktieb mimli stampi għat-tfal, qed trabbi waħedha lil Henry [Lieberher] ta' ħdax-il sena u lil ħuh Peter [Tremblay], iżgħar minnu. Barra li Peter hu intelliġenti u prattiku ħafna, fejn bena ħafna apparat f'kamra fuq siġra, ma jaqbiżlu xejn minn quddiem għajnejh.  Hu u ommu tassew juru interess ġenwin fi Christine Sickleman [Ziegler], it-tifla ġara li qed issewwed qalbha. It-tfajjel malajr jinnota li bejn din it-tifla u Glenn [Norris], missierha tar-rispett hemm xi ħaġa abbużiva serja. Glenn, li hu kummissarju tal-pulizija, għandu saħħa kbira fil-lokal u kull rapport ta' Henry jaqa' fuq widnejn torox. Mingħajr ma jaqta' qalbu, ilesti pjan iddettaljat mimli stampi fuq pitazz ta' kif għandu jeħles lil din it-tifla. Meta Henry jittieħed malajr l-isptar, ħuh Peter jagħti dan il-pitazz lil ommu biex tattwa dan il-pjan. ‘The Book Of Henry’ miktub minn Gregg Hurwitz jiżvolġi b'andament interessanti u fl-aħħar parti jieħu l-forma ta' thriller inġenjuż.

 

All Eyez on Me

Atturi Ewlenin: Demetrius Shipp Jr.; Dana Gurira; Kat Graham; Bill Harper; Annie Ilonzeh

Direttur: Benny Boom

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 140 min

Ċert: 15

Xogħlijiet dwar il-ħajja tal-kantanti u esibituri fix-show business ilhom jidhru sa miż-żmien bikri taċ-ċinema. Tupac Shakur, rapper prolifiku, poeta u attivist, kif ukoll kultant attur, kien is-suġġett ta' diversi dokumentarji dwaru. ‘All Eyez On Me’ [dan hu l-isem ta' wieħed mill-aqwa albums tal-kant li ħareġ] jirrakkonta s-suppost storja vera tas-suċċess fil-mużika hip-hop u l-popolarità kbira li akkwista sakemm inqatel fl-għomor biss ta' 25 sena. Dan il-film jiffoka fuq dan l-artist mill-ewwel żmenijiet tiegħu fi New York City sakemm laħaq l-istatus ta' ikona kulturali li l-wirt mużikali tiegħu baqa' jitkattar wara mewtu. Is-suċċess ta' malajr beda ġej meta ngħaqad ma' Death Row Records ta' Los Angeles, imma hawn ukoll beda l-għawġ għalih. Bejnu u bejn rappers oħrajn tal-East Coast [New York, eċċ.] bdiet bħal gwerra ta' dominanza f'dan it-tip ta' mużika u l-indħil tiegħu ta' attivist waslu għal tmiem traġiku bikri. ‘All Eyez On Me’ aktar jiffoka fuq il-mużika ta' dan il-ġenju u ftit li xejn insiru nafu x'ġara eżatt fil-ħajja privata, imħawda u mgħaġġla tiegħu. Demetrius Shipp Jr. fl-ewwel dehra tiegħu fuq il-liżar tassew jinkarna lil Tupac Shakur, jixbhu wkoll xi ftit, waqt li għandu preżenza qawwija.

More in Divertiment