Kultura u divertiment fil-Mellieħa waqt 'Iljieli Melleħin'
L-avveniment annwali tal-Mellieħa wasal fl-10 sena tiegħu
Għall-10 sena konsekkuttiva, il-Kunsill tal-Mellieħa se jkun qed jorganiżża l-Iljieli Melleħin. Din is-sena l-Iljieli Melleħin qed jittelgħu bejn il-21 u 23 ta’ Lulju u l-attivitajiet se jsiru kollha fil-qalba tar-raħal pittoresk tal-Mellieħa.
L-Iljieli Melleħin bdew il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju f’Misraħ il-Parroċċa, b'kunċert eċċezzjonali mtella’ mill-aqwa DJs ta’ Malta, Lio, JJOY u Ziggy.
Is-Sibt 22 ta’ Lulju it-toroq prinċipali tal-Mellieħa se jingħalqu għat-traffiku biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku, fejn se jkunu jistgħu jaraw diversi esebizzjonijiet kif ukoll spettakli mużikali. Fit-Triq Gorg Borg Olivier se jkun hemm Muzika Tradizzjonali Maltija fejn fost l-oħrajn se jkun hemm The Greenfields, Aurora Folk Group u l-Għana Maltija kif ukoll mużika rock minn Kylie Coleiro u Klinsmann and the Planet Seed Band. Se jkun hemm ukoll mużika Jazz fil-Bitħa tas-Santwarju kif ukoll korijiet ġewwa s-Santwarju. Artiġjanati u artisti lokali se jkunu qed jesebixxu xi xogħlijiet u se jkun hemm ukoll wirja ta’ karozzi fost diversi attrazzjonijiet oħra. Ir-ristoranti tal-Mellieħa se joffru l-possibilita ta’ “dining al fresco”. F’Misraħ il-Parroċċa se jkun organiżżat BBQ bi spettaklu mtella’ minn Artemocion Dance Studio, Cash and Band u Joe Demicoli.
Il-Ħadd 23 ta’ Lulju se jittella' spettaklu live fil-Pjazza tal-Parroċċa minn Artemocion Dance Studio u Spiteri Lucas Band fejn fost il-kantanti li se jieħdu sehem se jkun hemm Chiara, Debbie Scerri, J Anvil u Neville Refalo li ha jinterpretaw ‘A tribute to the Maltese Legends’.
Is-Sibt u l-Ħadd se jkunu organiżżati diversi attivitajiet għat-tfal kif ukoll se jkun hemm il-mużewijiet u postijiet ta’ kultura li ħa jkunu miftuħin sa tard filgħaxija. Dawn jinkludu fost l-oħrajn is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, u x-Xelters tat-Tieni Gwerra Dinija.
Se jkun offrut servizz ta’ ‘Park and Ride’ minn ħdejn l-ex Belleview saċ-ċentru tal-lokalità. Dan se jkun offrut is-Sibt mis-7.30 'il quddiem.
Iljieli Melleħin huwa avveniment b’xejn li wieħed m’għandux jitlef. Ejjew u ddevertu u araw is-sbuħija tal-Mellieħa bejn it-21 u t-23 ta’ Lulju 2017.
Iljieli Melleħin hija mtella’ bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu kif ukoll numru ta’ sponsors korporattivi.