rakkont | Amnesija

Rakkont ta' kull ħmistax, tal-awtriċi Sharon Calleja

Ħa nifs twil u fetaħ għajnejh.

Il-ħoss ritmiku tal-magna tal-qalb, ir-riħa ta’ mediċina, il-kamra bajda, nadifa tazza, il-borża tad-dripp li kien hemm imdendel maġenbu...

Kien qiegħed l-isptar!

Ipprova jqum bilqegħda iżda ħass l-uġigħ jaħkimlu dahru u ma setax jiċċaqlaq. Għalfejn kien qiegħed hawn? X’kien ġara eżatt?

Kien qed iħoss uġigħ kbir ġo rasu. Induna li maġenbu kien hemm it-tabib li kien qiegħed josservah.

“Dott...” qallu b’leħen batut.

“Jeremy....”

“Jeremy? Dott...ma naf xejn...ma naf xejn! La min jien! La kif ġejt hawn! Xejn!”

“Tinkwetax Jeremy, kellek inċident ikrah bil-karozza. Normali li titlef xi ftit il-memorja. Jaf tibda tiġik bil-mod. L-importanti li tirrilassa kemm tista’....u tħalli f’idejna.” It-tabib iċċekkjalu ftit il-pressjoni u ħareġ.

Għandu jkun dak il-ħin marret għajnejh bih u raqad xi ftit.

It-tieqa li minnha kien dieħel xi ftit tad-dawl inbidel f’ċappa dlam. Iż-żiffa notturna kienet dieħla fil-kamra bil-purtiera tiċċaqlaq xi ftit, toħloq dellijiet strambi fuq il-ħajt tal-faċċata. Qam mir-raqda u qagħad hemm jaħseb ftit waħdu.

Tgħid ħajtu kif kienet? Tgħid kien sinjur? Fqir? Jgħix waħdu? Miżżewweġ? Poġġut?

Propju dak il-ħin, sema’ l-ħoss ta’ takkuna dieħla ttakkan fil-kamra tiegħu. U dak il-ħin.....dak il-ħin raha...raha għall-ewwel darba.

“Int....?” beda biex jgħidilha.

Kienet ħelwa. Kellha xagħarha isfar, eżatt kif jogħġbu lilu, figura li tbellhek u par saqajn vera sbieħ. Imma kienet liebsa ġagaga bajda u b’dispjaċir f’leħnu qalilha, “Inti l-infermiera hux?”

“Qed tara, diġà qed tiftakarni!” qaltlu b’ton sarkastiku. “Jien ħadt ħsiebek.”

“Kemm ilni hawn?”

“Sitt xhur.”

“X’inhu?”

“Sitt xhur koma, Jeremy.” Qabdet tiċċekkja l-pajpijiet li kellu ħerġin minn idejh.

“Ġieli ġie xi ħadd minn tal-familja jarawni?” staqsieha, mimli kurżità.

“Ħadd.”

“Ħadd?”

“Ma ġie ħadd. Qatt.”

“Imma...”

Issa, tajba din! Kif ma kien ġie ħadd jarah? Tgħid kien jgħix waħdu? Tgħid...? Tgħid kien xi stramb?

“Taf xi ħaġa fuqi? Ma niftakar xejn,” qalilha jgħolli jdejh lejn rasu għax kienet qiegħda titturbah xi ftit.

“Ma nafx xejn. Kulma naf hu li jismek Jeremy Cauchi.”

“Grazzi,” qalilha.

Ipprova jiftakar, iżda ma seta’ jiftakar kważi xejn.

Wara ġimgħa sħiħa, li kien ilu li ġie f’tiegħu, xorta ma kien għadu jiftakar xejn. Kulma kien jaf li jismu Jeremy Cauchi u li kien involut f’inċident stradali. Ħassu ser jiġġennen. Ried ikun jaf aktar.

“Taf fejn noqgħod, xi ħaġa oħra fuqi?” staqsa lill-istess infermiera ġurnata oħra.

“Skont il-fajl, int minn Naxxar,” qaltlu bi tbissima.

Oħroġ il-għaġeb, xejn ma kien jiftakar. U kien qed iħossu jistressja ruħu jipprova jiftakar.

Jeremy ħassu mdejjaq. Ma kinitx ġiet ruħ waħda tarah. La familja u lanqas ħbieb. Kien qed jinkwieta li kien bniedem waħdu u li ma kellu lil ħadd fid-dinja.

Ġurnata wara oħra. Jum wara ieħor.

Dakinhar kien billejl. Rasu kienet mitluqa fuq l-imħadda. Kien għadu kemm għalaq għajnejh. Il-frisk li kien dieħel mit-tieqa mdaqqsa tal-kamra, kien qed imellislu saqajh li kien mikxufin minn taħt il-gverta tal-isptar. Fis-silenzju li kien hemm, il-ħoss distanti ta’ kelb jinbaħ, kien qed iwennsu. Jeremy kien qed jieħu nifs trankwill. Issa kienu neħħewlu l-magna u l-pajpijiet kollha.

Hekk f’salt wieħed ħass nifsu jinqatagħlu, donnu waqa’ kantun fuq sidru. Uġigħ. Uġigħ kbir f’rasu.

Għalqa.

Kamra tal-ġebel f’għalqa.

Għamel idejh ma’ widnejh.

Leħen ta’ mara. Mara tibki u twerżaq.

“Sikkina. Demm. Passi. Dlam,” qal b’leħen għoli. Karozza. Dwal tal-karozza f’għajnejh. Brejk. Dlam.

Jeremy fetaħ għajnejh beraħ. Kien imxarrab kollu bl-għaraq u ħass il-bard fl-istess ħin. Sema’ t-takkuna tal-infermiera ġejja tħaffef lejn kamartu.

“Xi ġralek?” staqsietu.

“Qisni bdejt niftakar f’xi ħaġa,” qalilha.

Dak il-lejl qagħad jirrakkuntalha dak kollu li  kien ġie quddiem għajnejh.

“Sikkina. Demm. Passi. Dlam,” qalilha.

“Rajt qisha kamra f’għalqa.”

“Jekk tkun taf fejn eżatt, jiena stess nieħdok,” qaltlu. “Hekk iġġib il-memorja aktar malajr!”

Dak il-lejl, reġa’ daħal jorqod u kellu l-kumplament tal-lejl seren.

Iżda żewġt iljieli wara, reġa’ kellu xi viżjonijiet. U l-lejl ta’ wara. Anke ta’ wara. Issa kien qed isir aktar kurjuż dwar l-esperjenza tiegħu qabel ma tilef il-memorja. Kien qed jibża’. Kien qed jibża’ li kien għadda minn xi esperjenza tassew kerha.

“Sikkina. Demm. Passi. Dlam,” qal waħdu kemm-il darba.

“Naf dwar liema kamra f’għalqa qed issemmi, Jeremy,” qaltlu l-infermiera, xħin ġiet tarah. Kienu jiġu aktar minn infermiera waħda, iżda din kienet l-iktar waħda li kienet togħġbu. “La rajt tabella fil-viżjoni, naf għal fejn qed tgħid. Jekk trid għada stess nieħdok bil-karozza tiegħi,” qaltlu b’leħen ġentili.

“Vera?” stagħġeb. “Taf? Teħodni?”

“U mela...immorru flimkien. Però, ma ngħidu lil ħadd minn hawn ġew għax mhux suppost toħroġ. Hekk tiftakar aktar malajr.”

“Grazzi!” qalilha bi tbissima.

L-għada filgħaxija tgħidx kemm kien eċċitat. Iva, kien eċċitat tgħidx kemm.

Malli dalam u s-swali żvojtaw minn nies, hu u dik l-infermiera sbejħa li kellu miegħu, ħarġu nkiss inkiss. Daħlu fil-karozza tiegħu u bdiet issuq.

“Ninsab ċerta li għal dan il-post qed tgħid,” bdiet tgħidlu hekk kif waslu quddiem it-tabella.

Tikk. Qalb Jeremy għamlet tikk.

It-tabella! Iva, dik kienet! Kien ħolom b’dan il-post!

Triq imħarbta! Iva, anke din kien qisu qed jiftakar!

Il-memorja. Il-memorja donnha bdiet ġejja lura.

Reġa’ beda jisma’ l-vuċi ta’ mara qiegħda tgħajjat u tibki.

“Sinjura...” qal lill-infermiera, jagħmel idejh ma’ rasu. “Qed ninkwieta li ġratli xi ħaġa kerha hawn...”

“Tassew?” qaltlu, mingħajr ma bdiet tħares lejh għaliex kien moħħha fit-triq li kienet qiegħda tidjieq aktar u aktar.

Il-kamra fl-għalqa.

Fid-dawl tal-qamar fiddieni u mimli, seta’ jaraha ċara. Iva, ħass li l-post kien familjari. Familjari żżejjed. Ħass uġigħ f’rasu u sema’ l-vuċijiet madwaru. Għal mument għalaq għajnejh u ħa nifs twil.

L-infermiera waqqfet il-karozza u ħarġu minn hemm it-tnejn li huma. Jeremy induna li llum ma kinitx ġiet bit-takkuna. Ħasbitlu.

Kienet taf li hemm kien xi ftit imħarbat.

Imxew lejn il-kamra fl-għalqa fis-silenzju. Xi mkien fil-qrib, Jeremy beda jisma’ grillu għaddej isaffar bla waqfien. Il-ħoss taż-żarbun fuq il-ħaxix niexef, reġa’ qanqallu lura l-memorji.

“Jien...” beda jgedwed kważi waħdu.

Beda kważi jirtogħod.

Din il-kamra. Din l-għalqa. Hawnhekk. Iva, hawnhekk. Jeremy beda jiġi f’tiegħu hekk kif waqaf bilwieqfa f’nofs l-għalqa jħares madwaru, jara kollox idur bih.

Argument. Il-mara. Is-sikkina. Il-karozza kienet qiegħda tistennieh. Kien daħal ġol-karozza u saq kemm felaħ. Inċident. Dlam.

“Ġejt hawn mal-mara... Il-mara tiegħi...” beda jgħid.

L-infermiera waqfet timxi u bdiet tħares lejh.

Qabad jiġri lejn il-kamra, imbotta l-bieb u ttawwal ġewwa.

“Iva, din il-kamra, tagħna... Jien u l-mara konna nħobbu...” waqaf jitkellem.

Ftakar fl-argument. Ftakar fis-sikkina. Kienu ġġieldu. L-għajjat tagħha. Kienet bkiet. Kien taha daqqiet ta’ sikkina f’ġenbha! Kienet waqgħet mal-art. Demm. Demm. Kien ħbieha xi mkien! Jew hawn ġew jew fl-għalqa! Il-mara...il-mara tiegħu! Issa kien kollox ċar...kollox...wiċċha biss kien ftit imċajpar. Ma setax jaraha sewwa. U wara, wara li kien taha daqqiet ta’ sikkina...kien daħal fil-karozza u ħarab minn fuq il-post.

Dar iħares lejn l-infermiera li kienet qiegħda maġenbu.

“Aħjar nitilqu...” qalilha. Kien qed jibża’. Allaħares jinkixef. Jinkixef kollox. U din l-infermiera tkun taf li kien qatel lil martu!

Aħjar ma kien ġie xejn!

Dar biex jitlaq ’il barra.

“Ejja...” qalilha. Saqajh bdew jirtogħdu. Kien qed jibża’.

L-infermiera resqet lejh.

“Xi ġralek? Qed tiftakar f’xi ħaġa?” staqsietu.

“Iva.” Leħnu kien baxx ħafna.

“X’qed tiftakar? Titkellem fuqha jagħmillek ġid.”

“U le ftit...”

Kien propju dak il-ħin li l-infermiera għolliet il-mazza li kienet ġabet magħha mill-karozza, ħbietha wara daharha u tagħtu daqqa biha eżatt fin-nofs ta’ rasu.

Hekk malli niżel mal-art, għarafha.

L-infermiera.

Martu.

Kienu l-istess persuna.

“Sikkina. Demm. Passi. Dlam,” beda jhewden.

U dlam.

More in Divertiment