Films ġodda din il-ġimgħa
Films ġodda fis-swali taċ-ċinema lokali din il-ġimgħa
Cars 3
Vuċijiet Ewlenin: Owen Wilson; Cristela Alonso; Armie Hammer; Kerry Washington; Nathan Fillion
Direttur: Brian Fee
Maħruġ minn: KRS Releasing
Tul: 109 min.
Ċert.: U
Id-dinja animata ta' karozzi ta' kull għamla, qies u kulur tal-kumpanija Pixar Studios, terġa' tieħu l-ħajja f'‘Cars 3’. Lightning McQueen [vuċi ta' Owen Wilson], il-karozza tat-tiġrija dejjem żgura minnha nnifisha u determinata li tibqa' tirbaħ, se tiltaqa' ma' kompetizzjoni iebsa. Din il-karozza ‘Piston-Cup’, rebbieħa ta' ħafna kompetizzjonijiet se ssib ruħha mħollija barra minn dan l-isport li tant tħobb. Fix-xena daħlu karozzi aktar ħfief u iżgħar u issa, wara għaxar snin ma tistax tlaħħaq ma' dawn l-inġenji moderni. Bl-umiltà kollha, Lightning McQueen ikollu jbaxxi rasu u jieħu taħriġ speċjali u innovattiv mingħand Cruz Ramirez [Alonso], li hija entużjasta, soda u appassjonata fuq il-karozzi tal-ġiri. Wara dawn is-snin kollha, il-karozza bin-numru 95 għad għandha r-rieda li ttellaq u turi x'taf basta toqgħod attenta għall-pariri siewja mogħtija lilha. ‘Cars 3’ jagħti omaġġ qawwi lil dan l-isport popolari, b'xenarju prominenti u kkulurit u tlielaq ta' karozzi għaddejjin b'ħeffa kbira. Minkejja li hu xogħol animat, il-produtturi ħadu ideat konkreti minn sewwieqa veterani ta' NASCAR li saru champions biex tassew jippreżentaw xogħol reali kemm jista' jkun.
The Beguiled
Atturi Ewlenin: Colin Farrell; Nicole Kidman; Kirsten Dunst; Elle Fanning
Direttrici: Sofia Coppola
Maħruġ minn: KRS Releasing
Tul: 94 min.
Ċert.: 15
It-tema ta' ħames tfajliet aħwa, iżolati u msakkrin ġo darhom minn ommhom u missierhom wara suwiċidju fil-familja u wara li xi ġuvintur tal-qrib ħadu grazzja magħhom f'‘The Virgin Suicides’ [2000], tidher li impressjonat lid-direttriċi Sofia Coppola, it-tifla tar-rinomat Francis [Ford] Coppola. L-istess atmosfera morbida tinfirex matul il-film ‘The Beguiled’, fejn din id-darba mmorru lura fiż-żmien, aktar minn mija u ħamsin sena, ġo skola iżolata ta' ftit bniet. Ġo Virginia, fl-1864, bil-Gwerra Ċivili Amerikana fit-tielet sena tagħha, suldat tal-Union [tal-għadu], ferut jinstab mixħut fl-art qalb is-siġar mhux ’il bogħod minn Akkademja tat-tfajliet. Hu jiddaħħal ġewwa, jiddewwa u jibda jieħu saħħtu. Malajr, l-atmosfera trankwilla ta' ġewwa tinbidel f'tensjoni sesswali u xewqat ripressivi. Ir-rivalità bejn il-bniet li tinbet, bir-regoli riġidi jinkisru jġibu avvenimenti mhux mistennija. ‘The Beguiled’ hu kważi ‘remake’ awtentiku tal-film tal-1971, bl-attur Clint Eastwood u b'direzzjoni qawwija u diretta ta' Don Siegel. Fortunatament, Sofia Coppola tat lostru eċċezzjonali lil dan it-thriller psikoloġiku invadut bl-atmosfera Gotika tas-Sud u b'mużika li tnissel biża' tal-grupp Phoenix. Ma tkunx xi ħaġa straordinarja li għall-quddiem Coppola tħares lejn ix-xogħol klassiku u kult Awstraljan, ‘Picnic At Hanging Rock’ [1975]!