Villaġġ tal-Milied fil-pjazza ta' Birżebbuġa minn nhar is-Sibt

Nhar is-Sibt ir-raħal ta' Birżebbuġa se jerġa jipprova jikser ir-rekord nazzjonali bl-akbar siġra tal-Milied bl-aktar bozoz u dawl sinkronizzat

Għat-tieni sena konsekuttiva fil-komunità ta’ Birżebbuġa ser tittella’ l-attività Milied fil-Pjazza.

Is-sena li għaddiet kienet attività kbira ħafna fejn fiha attendew eluf ta’ nies sabiex igawdu l-villaġġ tal-Milied; presepju ħaj, Santa’s workshop, wirjiet, ħidma ta’ pasturi għat-tfal, serati, stalls ta’ affarijiet relatati mal-Milied, diversi ikel u xorb, u fuq kollox inkiseb ir-rekord nazzjonali ta’ l-itwal siġra tal-Milied.

Din is-sena Milied fil-Pjazza ser tkun fit-2 u 3 ta’ Diċembru. Peress li r-rispons kien tajjeb ħafna diġà beda x-xogħol għal din l-attività, kemm bħala rekord nazzjonali kif ukoll bħala villaġġ tal-Milied.

Fost it-talent illi se jkun hemm se naraw Presepju Ħaj, is-sehem tal-baned lokali, il-kor VOCA u ħafna talent ieħor. Barra minn hekk, min jixtieq se jkun hemm anke l-membri tas-Soċjetà Duttrina Nisranija sabiex juru kif isiru l-pasturi tal-Milied, u bħas-sena l-oħra, min jixtieq jista’ jagħmel u jieħu miegħu wkoll. Għat-tfal se jkun hemm anke stand fejn jieħdu r-ritratti ma’ Father Christmas. Dan fost diversi attrazzjonijiet oħra u wkoll ħafna ikel u xorb tipiku ta’ dan iż-żmien sabiħ tas-sena.

Ir-rekord nazzjonali ser ikun l-akbar struttura ta’ siġar tal-Milied bl-aktar ammont ta’ bozoz u dawl sinkronizzat illi se tiżżanżan is-Sibt 2 ta’ Diċembru għall-ħabta tad-21:00.

 

More in Divertiment