Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
Three Billboards Outside Ebbing, Missouri.
Atturi Ewlenin: Frances McDormand; Woody Harrelson; Sam Rockwell; John Hawkes; Peter Dinklage; Abbie Cornish.
Direttur: Martin McDonagh.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 115 min.
Ċert.: 15
Frances McDormand hija attriċi ta' stoffa, mhijiex waħda ta' xi sbuħija, però' kull direttur jafda fiha u jkun konxju li se tagħti wirja mill-aqwa. Fl-1996, fil-kummiedja skura ‘Fargo’ tal-aħwa Coen (Joel hu r-raġel tagħha) hi tassew timpressjona bħala ditektiv fi stat ta' tqala avvanzata li trid tkopri ma' diversi qtil, parti li rebħitha l-Oscar. Minn dakinhar 'l hawn dejjem ħarġet bl-unuri u issa ssuperat lilha nnifisha bħala l-omm imnikkta, deċiża u determinata li tieħu sodisfazzjon meta l-pulizija tal-post m'arrestaw lil ħadd fl-istupru u l-mewt ta' bintha. ‘Three Billboards Outside Ebbing, Missouri’ hu dramm kommoventi, ta' andament verament li jissorprendik, imżewwaq b'diversi sekwenzi umoristici, fosthom vista għand dentist.
Mildred Hayes (McDormand), omm li qed issofri, li ċaħdet lilha nnifisha minn kull sens ta' ferħ u tbissim, seba' xhur wara l-mewt ta' bintha, Angela, imdejqa minn nuqqas ta' progress f'dan id-delitt mill-pulizija tal-post, tikri tliet ‘billboards’ imkissrin u kbar, barra l-belt ta' Ebbing, fejn takkuża b'ineffiċjenza lill-kap, ix-Xeriff Bill Willoughby (Harrelson). L-uffiċjal ta' warajh fil-grad, Jason Dixon (Rockwell), hu bniedem bla kontroll, vjolenti, li lest li jagħmel kollox u li ma jiħux pjaċir b'din il-ħaġa. Bejnu u bejn Mildred jinbet antagoniżmu qawwi. ‘Three Billboards Outside Ebbing, Missouri’ għandu andament mexxej li jassorbik u qatt ma wieħed jobsor kif se jiżvolġi fil-final tiegħu. Din hi produzzjoni mimlija affarijiet mill-aqwa – kitba ċinematika tajba oriġinali, direzzjoni soda u reċtar mill-aħjar.
Tassew jimpressjona Sam Rockwell bħala l-Viċi Kap tal-pulizija, bniedem ta' temperament qawwi, ġesti eċċentriċi, sakranazz, li qatt ma tobsor kif se jaġixxi. Imma, tiddomina fuq kulħadd b'parti intensa b'wiċċ mill-aktar serju li juri kemm hu feroċi, deċiża għall-aħħar li tipprova tikxef xi ħjiel fuq il-mewt tat-tifla tagħha, b'xagħarha maqtugħ qasir li jtieha forma androgena (lultant qisha raġel) u li ma terħiha lil ħadd, hi l-brava McDormand li diġà rebħet l-unur tal-Aqwa Attriċi f'parti drammatika fl-Unuri tal-Golden Globe. Fl-Oscars hemm ċans li wkoll tiddomina minn għażla diffiċli ta' atturi nisa oħra. Film li jagħmlek kburi li tħobb iċ-ċinema!
Coco
Vuċijiet Ewlenin: Anthony Gonzalez; Reneè Victor; Gael Garcia Bernal; Benjamin Bratt; Alanna Ubach
Direttur: Lee Unrich
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 104 min.
Ċert.: U
L-atmosfera kkulurita Latina mimlija mużika tipikament Messikana tinvadi għal kollox, b'mod tassew divertenti, il-film animat ta' Disney/Pixar ‘Coco’. Dan ix-xogħol verament ferrieħi hu dwar Miguel, tifel ta' 12-il sena li jgħix mal-ġenituri tiegħu, in-nanna, li tiddomina lil kulħadd, u anki l-bużnanna li tant jirrispetta. Miguel iħobb il-mużika, irid isir kantant u jitgħallem il-kitarra bħall-idolu tiegħu, il-mejjet Ernesto de la Cruz, l-aktar mużiċist famuż fil-Messiku, però nanntu b'saħħa timpedixxieh li jagħmel hekk. Iżda meta it-tfajjel jiskopri sigriet mill-passat tal-familja tiegħu, l-affarijiet isiru agħar għalih.
Kif jaġixxi wara, xi ħaġa maġika tagħmlu inviżibbli għall-umani, imma mhux għal dawk li jinsabu fl-Art tal-Mejtin. Hawn f'atmosfera ta' festi elaborati u movimentati, jiltaqa' mal-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll mal-idolu tiegħu u jgħaddi minn avventuri gwappi flimkien mal-kelb tiegħu, Dante. Naturalment, dawk li jinsabu fl-Art tal-Mejtin jidhru b'wiċċ mhux sabiħ (bħall-aljeni ta' ‘Mars Attacks ‘, jew kif il-protagonist ta' ‘They Live ‘ ta' John Carpenter jara lill-aljeni taħt forma umana meta jilbes nuċċali speċjali), qishom skeletri mlibbsa u attrezzati, imma dejjem addattati għall-għajnejn taż-żgħar. ‘Coco’ hu xogħol pjaċevoli li jesibixxi kultura ta' pajjiż eżotiku b'mod vivaċi, kif ukoll bix-xewqa li nżommu memorji sbieħ tal-maħbubin li ħallewna.
Hostiles
Atturi Ewlenin: Christian Bale; Rosamund Pike; Wes Studi; Adam Beach; Jessie Plemons; Ben Foster
Direttur: Chris Cooper
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 133 min.
Ċert.: 15
Waqt li kont qed nara l-Western ‘Hostiles’, b'bixra ta' film epiku, għalkemm mhuwiex, ġew f'moħħi xi Westerns klassiċi tas-snin ħamsin, fosthom il-kapulavur ta’ John Ford, ‘The Searchers ‘ u xi wħud ta' Anthony Mann. Ix-xenarju grandjuż u panoramiku ta' wesgħat watja enormi, b'muntanji u għoljiet maestużi u xi foresta folta ta' siġar twal, iġibu lill-bniedem, jew serbut ta' suldati u Indjani rekbin wara xulxin, tassew fiċ-cokon u fraġli. Ambjentat fl-1892, meta l-merħliet tal-bufli kważi sparixxew il-popolazzjoni indiġena Amerikana mirbuħa u bla mistħija msakkra f'kampijiet ta' konċentrament u l-fruntiera selvaġġa issa milqgħuha mill-ferrovija, żewġ avversarji tal-gwerra mal-Indjani jiġu wiċċ imb wiċċ quddiem xulxin.
Il-Kaptan tal-Kavallerija Joseph Blocker (Bale) li għandu mibegħda għall-Indjani u jiftaħar kemm qatel minnhom fil-gwerrer, jiġi ordnat kontra qalbu jwassal liċ-Chief Yellow Hawk tax-Cheyenne (Studi - il-kattiv u feroċi ta' ‘The Last Of The Mohicans ‘, hawn però f'parti dinjituża paċifika), li jinsab marid u lill-familja tiegħu, minn New Mexico għal Montana, vjaġġ ta' xi elf mil, fejn hi daru. Waqt il-vjaġġ jinqalgħu xi inċidenti fatali, imdemmija u brutali, iżda fl-aħħar, dawn it-tnejn juri rispett ġenwin u reċiproku għal xulxin.
Wara ħafna snin fejn Hollywood, bla mistħija, wera mibegħda lejn dan il-poplu, fis-snin ħamsin il-folja bdiet iddur u ntebħu min tassew kien il-kattiv u s-selvaġġ. Dan hu omaġġ sabiħ ieħor għall-poplu misruq minn artu, imneżża’ minn kull forma ta' dinjità, ikkalpestat, imsawwat, maħqur, msakkar u anki maqtul. Kif suldat stess ilissen maċ-Chief, ‘It-trattament tagħna magħkom qatt ma' jista' jinħafer’!