Il-festi ta' Għawdex fi pjazza waħda
Fl-1 ta' Lulju li ġej, armar mill-festi Għawdxin se jkun armat fil-pjazza tal-Qala fost atmosfera ta' festa Għawdxija
Fl-1 ta’ Lulju li ġej, il-pjazza ewlenija tal-Qala se tinbidel f’vettrina ta’ arti u kultura hekk kif 13-il għaqda tal-armar Għawdxija se jingħaqdu u se jesebixxu ftit mill-armar tagħhom fi pjazza waħda.
Il-‘Festa Għawdxija’ qed tkun organizzata mill-Għaqda Briju San Ġużepp b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-attività, li se ssir għall-ewwel darba, qed tara bosta għaqdiet jingħaqdu biex ilkoll flimkien jikkommemoraw il-festa fid-diversi aspetti kulturali tagħha li jgħaqqduna flimkien.
HIja qalet li din l-attività ma setgħetx issir f’mument aktar opportun hekk kif pajjiżna ressaq talba quddiem il-UNESCO biex il-festi f’pajjiżna, bil-mod li bihom jiġu ċċelebrati u bil-wirt kulturali għoni li hu assoċjat magħhom, jiġu ddikjarati bħala wirt kulturali intanġibbli.
Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal li min-naħa tal-kunsill emmnu fl-idea li ressqu l-organizzaturi u offrew kull assistenza biex dan l-avveniment ġdid għal Għawdex ikun jista’ jsir fir-raħal pittoresk tal-Qala.
Christian Mifsud, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività, stieden lil kull min għandu għal qalbu l-festi tradizzjonali u l-kutura f’pajjiżna biex jattendi għal din il-manifestazzjoni ta’ arti, kultura u tradizzjoni ta’ festa tipika Għawdxija.
Kull għaqda li se tieħu sehem se tkun qed tesibixxi bandalori u pavaljuni madwar il-pjazza tal-Qala.
Din l-attività se tkun animata wkoll minn marċ tradizzjonali esegwit mill-Għaqda Mużikali Ite Ad Joseph tal-Qala. Se jkun hemm ukoll esebizzjoni ta’ ritratti li jitrattaw kull festa li tiġi ċċelebrata f’Għawdex.
Din l-attività se ssir bejn id-09:00 u s-13:00. Għal aktar informazzjoni wieħed jista jżur is-sit jew il-mobile app ta’ ‘visitgozo’.