Ġimgħa li s-Slimiżi żgur mhux se jinsew
…nhar is-Sibt se tkun inkurunata l-vara devota tas-Sacro Cuor
L-istaġun tal-festi għalaq nhar il-Ħadd li għadda, iżda s-Slimiżi qed jerġgħu jiċċelebraw festa speċjali li żgur se tibqa’ mmarkata f’qalbhom għax se jgħixuha biss darba f’ħajjithom.
Kif tħabbar f’Mejju li għadda, nhar is-Sibt 29 ta’ Settembru, il-vara devota tas-Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù, jew kif inhi magħrufa bħala tas-Sacro Cuor, se tkun qed tiġi inkurunata solennament mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Bla dubju, din se tkun ċelebrazzjoni unika għal din il-komunità parrokjali, li fis-sena li fiha qed tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha se tkun imżejna wkoll bit-titlu ta’ Santwarju.
Ftit huma l-vari f'Malta u Għawdex li ġew solennament inkurunati. Fil-biċċa l-kbira tas-Santwarji huma l-kwadri titulari li huma inkurunati.
L-ewwel inkurunazzjoni f'Malta seħħet fil-15 ta' Lulju tal-1881 meta b'digriet mill-Kapitlu tal-Vatikan kien inkurunat il-kwadru devot tal-Madonna tal-Karmnu meqjum fis-Santwarju Bażilika tal-Belt Valletta.
L-uniku żewġ vari proċessjonali f'Malta u Għawdex li kienu ġew solennament inkurunati huma żewġ Bambini, dik tal-Isla u dik tax-Xagħra. Vara oħra inkurunata, iżda li ma toħroġx f’purċissjoni, ħlief f'xi okkażjoni speċjali, hija ta' San Ġużepp, magħruf bħala x-Xiħ, fir-Rabat tal-Imdina.
Matul dawn il-jiem qed isiru ċelebrazzjonijiet ta’ tħejjija, fosthom sebat ijiem iddedikati lis-seba’ Sagramenti li huma ċentrali fil-ħajja ta’ kull parroċċa.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet se jintlaħqu nhar is-Sibt li ġej, biċ-ċelebrazzjoni solenni li tibda fis-6:00pm u li matulha l-vara tas-Sacro Cuor se tiġi inkurunata.
L-għada l-Ħadd, se jkun qed issir Korteo Devozzjonali bil-vara inkurunata madwar it-toroq tal-parroċċa li bħalissa qed jiżżejnu għall-okkażjoni. Dakinhar, il-vara se tkun merfugħa minn diversi reffiegħa ta’ parroċċi u knejjes imxerrda madwar Malta.