Aktar films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Għandek ftit ħin fuq idejk? Is-swali taċ-ċinema qed joffru aktar films ġodda...

Aquaman

Atturi Ewlenin: Jason Momoa; Amber Heard; Willem Dafoe; Patrick Wilson; Nicole Kidman; Temeura Morrison; Dolph Lundgren.

Direttur: James Wan.

Maħruġ minn KRs Releasing.

Tul: 143 min.

Ċert. 12A

Mid-DC Comics, eroj ieħor qed jieħu l-ħajja fuq il-liżar ċinematografiku għall-ewwel darba. Minkejja li diġà deher darbtejn oħra qabel flimkien ma' supereroj oħrajn, din id-darba Aquaman (Momoa) għandu film kollu attribwit lilu. Imwieled minn missier uman, Tom Curry (Morrison) u minn omm, Atlanna (Kidman), Reġina tar-renju ta' taħt l-ilma ta' Atlantis, Arthur Curry, magħruf bħala Aquaman hu nofsu uman u nofsu Atlantean, suppost l-eredi tat-tron ta' din il-belt mitika. Minkejja li kapaċi jikkontrolla l-mewġ tal-oċeani, jikkomunika ma' diversi esseri akwatiċi, jgħum b'ħeffa tremenda u b'poteri u saħħa ta' supereroj, Arthur ma jixtiqx isir re. Anzi dawn il-kapaċitajiet tiegħu jeħduh fuq vjaġġ madwar id-dinja, speċjalment taħt l-ilma. Fl-avventuri eżileranti tiegħu, l-aktar biex jieqaf lil ħuh minn omm waħda, Orm (Wilson), magħruf bħala Oċean Master, li jrid jgħaqqad ir-renji ta' taħt l-ibħra biex jiddikjara gwerra kontra d-dinja ta' fuq l-art, Aquaman isib għajnuna kbira minn Mera (Heard), gwerriera gwappa b'ħiliet ta' qawwa, it-tifla ta' King Nerius (Lundgren), li hi wkoll il-maħbuba tiegħu. Biex ikun jista' jirnexxi fil-missjoni tiegħu jridu jfittxu l-furkettun ta' bi tlieta ta' Nettuno, l-alla tal-Baħar. Kull fejn imorru spiss ikunu attakkati mis-suldati/qaddejja ta' Orm. Dan il-film li hu mfawwar b'azzjoni spinta u effetti viżwali speċjali, li jieħdu prijorità fuq l-istorja, seta' ssemma wkoll Around The World Under The Sea. Ironikament l-isbaħ sekwenza u l-aktar eċitanti sseħħ fuq l-art, f'villaġġ pittoresk ħdejn il-baħar fi Sqallija, b'azzjoni sfiqa li tħallik bla nifs.

The Possession of Hannah Grace.

Atturi Ewlenin: Shay Mitchell; Grey Damon; Kirby Johnson; Nick Thune; Stana Katic.

Direttur: Diererik van Rooijien.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 86 min.

Ċert 15.

Film tal-biża' u t-twerwir u s-sopranaturali ambjentat ġo mortwarju suppost għandu jkun sodisfaċenti għall-ġeneru tiegħu. The Possession of Hannah Grace fih ħafna mumenti tajbin, bil-kamera tħuf matul il-kurituri aktarx battala u bid-dawl bis-senser sikwit jintefa' u jerġa' jixgħel,. però kultant qisu jeħel. Din il-produzzjoni tibda b'eżorċiżmu li jmur verament żmerċ fejn qassis jinqatel u t-tfajla żagħżugħa, Hannah Grace (Johnson) titlef ukoll ħajjitha. Megan Reed (Mitchell) li kienet pulizjotta tibda taħdem bil-lejl ġo mortwarju billi tieħu ħsieb il-katavri li jġibulha. Meta jasal hemm il-katavru sfigurat ta' Grace, tħoss li xi preżensa  inviżibbli qed timmanifesta madwarha. Waħedha, kważi msakkra hemm ġew, b'viżjoni ta' orrur palpabbli, Megan hi konxja li l-ġisem bla ħajja ta' din it-tfajla għadu ppussessat mix-xitan. Minkejja diversi ripetizzjonijet ta' movimenti strambi ta' malajr minn tarf l-għajn u anki minn fuq is-CCTV, The Possession Of Hannah Grace jirnexxielu jżomm l-attenzjoni tal-pubbliku ħajja, b'final ta' persekuzzjoni, qtil imdemmi ta' persuni u ġiri ma' kullimkien fi sptar ta' iżolazzjoni qawwija. Kollox ma' kollox, dan ix-xogħol jirnexxilu jikkrea atmosfera ta' eċitament reali u anki xokk. Jista' jkun hemm sequel!

Juliet, Naked.

Atturi Ewlenin: Rose Byrne; Ethan Hawke; Chris O'Dowd; Megan Dodds.

Direttur: Jesse Peretz.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 98 min.

Ċert.15

Nick Hornby kiteb diversi novelli dwar relazzjonijiet romantiċi, Juliet, Naked hi waħda minnhom però b'film ovvju komiku. Barra minn hekk, dejjem wera entużjażmu qawwi għall-mużika popolari u nostalġika li tifforma parti ntegrali minn din il-produzzjoni. Fil-belt pittoreska u żgħira ta' Sandcliff, ħdejn il-baħar, Annie (Byrne) tinsab ikkakmata f'relazzjoni twila, monotona u bierda ma' Duncan (O'Dowd), li hu akkanit ħafna ta' Tucker Crowe (Hawke), kantant tal-mużika rock ta' madwar 25 sena qabel, issa minsi. Meta fid-dar tiegħu tasal CD ta' dimostrazzjoni akustika bil-posta jisimha Juliet, Naked, minn album ta' suċċess ta' Tucker, ta' żmien ilu, Annie tiftaħ il-pakkett, iddoqqha u tikteb fil-website kritika negattiva dwarha. B'risposta tirċievi email minn Tucker, li jiġi minn New York mat-tifel tiegħu biex jiltaqa' magħha. Hi, li fl-aħħar tiksirha ma' Duncan, tibda relazzjoni amikevoli ma' dan ir-rocker li kien sparixxa mix-xena mużikali. Juliet, Naked huwa rakkont inċisiv dwar ċansijiet spontanji li jiġu malajr fil-ħajja tagħna.

Din il-ġimgħa ħiereġ ukoll il-film għat-tfal Cbeebies Xmas Show: Thumbelina

More in Divertiment